Min jaqla paga medja …. skont rapport maħruġ mill-Gvern stess…ma jaffordjax jixtri proprjetà waħdu għax il-bank ma jisilfux. U jekk irid soluzzjoni, il-Gvern qed jgħidlu li għandu jistenna sas-sena d-dieħla.
It-Tnejn filgħodu Net News staqsa lill-Ministru Roderick Galdes dwar l-eżitu tal-istudju mwettaq mill-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, fejn intqal kif xerrejja prospettivi qed isibuha ferm diffiċli biex jixtru proprjetà hekk kif dawk taħt l-40 sena ….biex jisselfu mill-bank …għandhom bżonn paga gross ta’ mill-inqas €25,000. U persuni li għandhom ‘il fuq minn 40 sena jeħtieġu paga li titla’ €10,000 aktar. Dan sabiex jaffordjaw appartament li jiswa’ medja ta’ €225,000.
Mistoqsi kif il-Gvern se jkun qiegħed jindirizza din l-isfida – illi prattikament qed tkisser lill-middle class ladarba l-paga medja hija ta’ ftit aktar minn €22,000 gross fis-sena…Roderick Galdes qalilna biex nistennew.
Mistoqsi jekk jinkwetawhx iċ-ċifri żvelati minn dan l-istudju illi juri fost oħrajn li l-maġġoranza ta’ persuni single li jagħmlu parti mill-middle-class ma jaffrodjawx jixtru proprjetà waħedhom….u l-fatt fl-aħħar sitt snin l-prezzijiet tal-appartamenti żdiedu fil-prezz b’medja ta’ €80,000, penthouses medja ta’ €70,000 u maisonettes b’aktar minn €100,000 …. huwa rrisponda fin-negattiv.
…..madanakollu fl-istess waqt stqarr li jemmen li għad hemm nies li għandhom diffikultà.
Iżda l-akbar inkwiet huwa li dawn il-persuni mhux kollha jinsabu fuq il-faxxa deskritta bħala ta’ dħul baxx – iżda dħul medju. U minkejja s-sagrifiċċji kollha li jagħmlu xorta waħda mhux qed jaffordjaw li jixtru mqarr appartament bażiku li l-prezz tiegħu jibda minn madwar €225,000
//= $special ?>