Il-Gvern spiċċa jattakka lil kumpanija Malta Dairy Products wara li din kienet kostretta żżid il-prezzijiet tal-ħalib għat-tieni darba f’sena. Dan ifisser li f’temp ta’ 7 xhur kartuna ħalib mill-blu żdiedet bi 22% … u ħalib xkumat żied b’25%.
Rapport maħruġ mill-MaltaToday, fil-ħarġa tal-Ħadd, żvela kif il-Gvern qiegħed jikkunsidra li joħroġ mis-sehem ta’ 30% li għandu mal-MDP. Dan hekk kif skont il-Gvern ta’ Abela…l-għajnuna li qiegħed jagħti hija biżżejjed.
Madanakollu sorsi qrib il-kumpanija qed jisħqu illi minkejja li pprovaw minn kollox sabiex ma jimpattawx lill-konsumatur, sfortunatament ma kellhomx triq oħra – prova ċara li l-Gvern mhux jagħmel biżejjed.
It-Tnejn filgħodu Net News staqsa lil uħud mill-membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela dwar din iż-żieda fil-prezz tal-ħalib, illi se tidħol fis-seħħ minn nhar il-Ġimgħa…bil-Ministru Clayton Bartolo jagħżel li jattakka lill-produtturi, u jgħidilna biex nistaqsu lilhom dwar ir-raġni għalfejn kien hemm din iż-żieda.
Net News staqsa wkoll lis-Segretarju Parlamentari Chris Bonett illi minn naħa tiegħu stqarr li l-prezz tal-ħalib żdied bħal kull oġġett ieħor; filwaqt li stieden lill-poplu jikkonsla u jimmaġina kieku m’hemmx is-sussidji tal-Gvern kemm jiżdiedu aktar il-prezzijiet.
Staqsejna wkoll lill-Ministru Roderick Galdes fejn anke hu, minn diskorsu, stieden liċ-ċittadin biex jikkonsla biż-żieda fil-prezz tal-ħalib. Dan għaliex stqarr li barra minn Malta l-ħalib huwa ogħla.
Id-daqqa tal-għoli tal-ħajja ċertament li qed tinħass ġmielha fost iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, biż-żieda qawwija fil-prezzijiet ta’ oġġetti li huma meqjusin bħala essenzjali – bil-paga tibqa’ ugwali għal dik li kienet fi snin passati.
Persuni li tkellmu ma’ Net News saħqu li bil-ħajja kif inhi jew mhux qed ilaħqu sal-aħħar tax-xahar, jew inkella qed jaqilgħuha u jikluha mingħajr m’għandhom opportunità li jġemmgħu sold taħt rashom għal xi għawġ li dak jista’ jinqala’. Oħrajn qalulna li dan il-piż affetwhom ukoll waqt li qed iħejju għall-festi tal-Milied; kemm fix-xiri tar-rigali u anke fil-preparamenti għall-ikliet tradizzjonali li jsiru mill-familji.
//= $special ?>