Futbol Sport

Veterani: Magħrufa s-semi finalisti tad-David Cluett Memorial Cup

Malta Football Players Association, Birkirkara St Helen’s, Hibernians u Rabat għaddew għas-semifinali tad-David Cluett Memorial Cup wara rebħiet tajba li kellhom fil-kwarti tal-finali ta’ din il-kompetizzjoni tal-Malta Veterans Football Association.

Gowl drammatiku ta’ Alexander Marinkovic għen lil Malta Football Players Association li għelbu lil Żurrieq Wolves 2-1 f’partita miftuħa għal kull riżultat. Birkirkara St Helen’s kienu t-tieni tim li għadda għal mal-aħħar erbgħa tal-kompetizzjoni wara li ftit tħabtu biex għelbu lil Luxol St Andrew’s 9-5.

F’konfront akkanit u inċert sal-aħħar, Hibernians għelbu lill-holders Gżira United 3-2 filwaqt li Rabat ingħataw walk-over fuq Żejtun Red Stars wara li dawn tal-aħħar ma ppreżentawx ruħhom għal-logħob.

Is-semifinali tad-David Cluett Memorial Cup jintlagħbu llum fejn Malta Football Players Association jilagħbu kontra Birkirkara St Helen’s filwaqt li Rabat jilgħabu kontra Hibernians.