Raġel ta’ 41 sena minn Sqallija li kien jgħix Ragusa u li f’Malta jgħix Bormla nżamm arrestat wara li ġie mixli bi traffikar ta’ droga kokaina. Salvatore Battaglia ġie mixli b’pussess agravat ta’ droga kokaina, li ttrafika din id-droga, li assoċċja ruħu ma’ grupp biex jitraffika l-kokaina f’Malta u li kellu fil-pussess tiegħu d-droga cannabis.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca u John Leigh Howard qalet lill-Maġistrat Nadine Sant li fil-15 ta’ Diċembru l-Pulizija kienet informata li Battaglia kien involut fi transazzjoni ta’ droga. Li seħħ kien li filgħaxija traċċaw lir-raġel li kien qed isuq vann fil-Marsa u meta waqqfuh u nfurmawh li riedu jagħmlulu tfittxija.
Hu mill-ewwel tahom kapusla mimlija sustanza suspettata droga kokaina. Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li l-Pulizija għamlu tfittxija fuqu, fil-vann u fir-residenza fejn jgħix f’Bormla, Hemm sabu aktar kokaina, oġġetti relatati mad-droga kif ukoll droga cannabis li l-akkużat qalilhom kienet għall-użu personali tiegħu, Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat ammetta mal-Pulizija l-involviment tiegħu f’din il-kwistjoni.
Hu wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u talab li jingħata l-pleġġ, Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollu għaliex l-akkużi huma gravi u fost oħrajn irriżulta li l-akkużat huwa parti minn ċirku kriminali f’Malta.
Qalet ukoll li għad fadal xhieda pajżana biex jagħtu d-depożizzjoni tagħhom fil-każ. Għalhekk hemm il-biża ta’ kontaminazzjoni tal-provi u li jista’ jaħrab minn Malta anki għaliex ir-residenza fejn jgħix tinsab maqbuda mill-pulizija.
Il-Qorti f’dan l-istadju ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni biex jiġu ffriżati l-assi tal-akkużi. L-avukat Julia Micallef Stafrace deheret għall-akkużat. Il-każ issa jkompli fl-istadju ta’ kumpilazzjoni.
//= $special ?>

