Lokali

Stennew ġimgħa b’aktar maltemp u riħ qawwi

Ħafna kienu qed jistennew illi fil-jiem li jwasslu għall-Milied nibdew nesperjenzaw temp aktar xitwi; u bla dubju li matul din il-ġimgħa se nkunu qed naraw temp li wieħed normalment jassoċja ma’ dan iż-żmien tas-sena – u li definittivament idaħħlek aktar fl-ispirtu ta’ festi.

L-Uffiċċju Meteoroloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed ibassar li fil-jiem li ġejjin se jkollna sigħat twal ta’ xita – inkluż maltemp bis-sajjetti, u riħ qawwi.

Minkejja dan, it-temperaturi mhux mistennija li jkunu baxxi wisq għalkemm żgur mhux forsi mhux se jkun temp sħun; bix-xemx jidher li mhix se tkun qed tidher għal jiem sħaħ.

L-għola temperatura se tkun madwar 16-il grad celcius filwaqt li filgħaxija mistennija tinżel għal 12-il grad.

L-ewwel tlett ijiem ta’ din il-ġimgħa se jkunu kkaratterizzati minn riħ, xita u saħansitra possibiltà ta’ maltempati bis-sajjetti nhar l-Erbgħa. Il-kumplament tal-jiem li jwasslu għal tmiem il-ġimgħa se jkunu bi sħab u b’riħ qawwi. L-iktar jum li se jara riħ qawwi se jkun nhar il-Ġimgħa, bil-qawwa tar-riħ mistennija titla’ sa forza 7.

Fil-fatt, l-Uffiċċju Meteoroloġiku qed iwissi fuq is-sit uffiċjali tiegħu li se jkollna jiem ta’ riħ qawwi fuq il-gżejjer Maltin.

Apparti minn hekk, il-baħar ukoll se jkun pjuttost imqalleb u huwa għalhekk li wieħed m’għandux jersaq qrib il-kosta bla bżonn minħabba periklu li kundizzjonijiet bħal dawn jistgħu iġibu magħhom.

Intant, għalkemm il-jum tal-Milied għadu kemmxejn ‘il bogħod biex wieħed ibassar fiċ-ċert kif se jkun it-temp dakinhar, hemm stennija li l-kundizzjonijiet ikunu ferm aktar favorevoli; forsi jkollna anke ftit xemx.

Ritratti: Martin Agius