Lokali

Stħarriġ isib kif iktar minn nofs il-Maltin iħossuhom waħedhom

Stħarriġ li sar mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta juri kif iktar minn nofs il-Maltin jinsabu jgħixu fis-solitudni, jew aħjar iħossuhom waħedhom.

Fil-fatt, 54.6% ta’ dawk li wieġbu għal dan l-istħarriġ qalu kif iħossuhom waħedhom; żieda ta’ 11% fuq tliet snin biss.

L-ewwel stħarriġ ta’ dan it-tip kien sar fl-2019 fejn sab li 43.6% kienu qed iħossuhom waħedhom. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, pajjiżna, bħal kumplament tad-dinja, għaddiet minn ħafna fejn fost l-oħrajn esperjenzat il-Covid. Dan it-tibdil kbir fi ftit żmien qed ikun maħsub li seħħ minħabba l-impatt li ħalla dan il-virus fuqna.

Mhux hekk biss iżda anke t-teknoloġija qed tħasseb sew lill-esperti hekk kif din ħolqot sens ta’ iżolament mill-ħajja ta’ kuljum.

L-istħarriġ wera kif dawk l-iktar li għandhom sens ta’ solitudni huma addoloxxenti bejn il-11 u d-19 sena u dawk li għandhom ‘il fuq minn 55 sena.

L-iktar gruppi ta’ etajiet li huma ta’ inkwiet mhumiex dawk ikbar fl-età hekk kif wieħed jistenna li minħabba ċirkostanzi fil-ħajja wieħed iħoss xi ftit jew wisq is-solitudni, bħal ngħidu aħna telf fil-familja. Iżda hu ferm iktar ta’ inkwiet meta tara li ammont sostanzjali ta’ tfal u żgħażagħ li qed iħossu li jinsabu weħidhom.

Li wieħed iħossu waħdu mhux neċessarjament ifisser li wieħed ma jkunx imdawwar minn nies iżda iktar minn hekk tfisser li wieħed iħossu li m’għandu lil ħadd ma’ min verament jitkellem u jiftaħ qalbu.

L-istħarriġ li sar jinsab ippublikat f’dokumentarju ‘Il-Ġerħa tas-Solitudni’ fejn wieħed isib ukoll esperjenzi ta’ persuni f’pajjiżna li għaddew mis-solitudni u l-fehma tal-esperti.

Ir-raġunijiet li jwasslu għas-solitudni jistgħu jvarjaw, bil-professjonisti jappellaw biex meta wieħed iħossu li qed jgħix ħaġa fis-solitudni, minnufih ikellem lil tabib tal-familja, psikoterapist, jew persuni ta’ fiduċja sabiex isib l-għajnuna meħtieġa.