Internazzjonali

Tikber il-pressjoni għall-waqfien mill-ġlied; dettalji xokkanti dwar il-qtil tat-tliet ostaġġi

Dettalji xokkanti li ħarġu fl-aħħar sigħat juru li l-messaġġi għall-għajnuna li kieku kitbu t-tliet ostaġġi li nqatlu mill-Iżraeljani, inkitbu bil-fdalijiet tal-ikel fuq biċċa liżar. Fil-fatt, huma kitbu l-ittri ‘SOS’ u l-frażi ‘Help, 3 hostages’.

It-tlett ostaġġi Iżraeljani li nqatlu bi żball nhar il-Gimgħa li għaddiet kienu ġew identifikati bħala Yotam Haim, li kellu 28 sena, Samer Talalka, li kellu 22 sena, u Alon Shamriz illi kellu 26 sena. Huma kienu għamlu sejħa għall-għajnuna, li sfortunament swiet għalxejn.

It-tlett ġuvintur kienu inħatfu fl-attakki tal-Hamas fil-bidu ta’ Ottubru, fejn inqatlu madwar 1,200 persuna.

Uffiċjal tal-militar Iżraeljan stqarr li it-tlett ġuvintur ħarġu mill-binja ixejru biċċa bajda u wieħed mis-suldati ħass li kienu ta’ theddida meta kienu biss ftit metri ‘l bogħod u fetaħ in-nar fuqhom. Tnejn mill-ostaġġi inqatlu mill-ewwel, filwaqt li t-tielet wieħed indarab u reġa’ lura fil-binja minn fejn kienu ħarġu.

Kien f’dan il-mument meta instemgħet talba għall-għajnuna bil-Lhudi, u wara li l-kmandant ordna lis-suldati jiefqu jisparaw, l-ostaġġ ħareġ. Minkejja dan, is-suldati reġgħu sparaw u qatlu t-tielet ostaġġ.

Intant, pajjiżi meqjusa bħala alleati ta’ Iżrael, fosthom l-Istati Uniti, qed jagħmlu sejħa għall-waqfien mill-ġlied, b’appoġġ ukoll mir-Renju Unit u l-Ġermanja.

Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu ma jidhirx lest li jċedi għall-pressjoni, u qed ikompli jisħaq li hemm bżonn ta’ pressjoni militari sabiex jiġu meħlusa l-ostaġġi kollha, u tintrebaħ il-gwerra.

In-Nazzjonijiet Uniti għadhom qed jirraportaw li hemm nuqqas kbir ta’ affarijiet bażiċi, u nhar it-Tnejn (aktar tard illejla) se jittieħed vot fuq riżulozzjoni ġdida għall-waqfien immedjat mill-ġlied u l-ħelsien tal-ostaġġi kollha.