Nhar is-26 ta’ Diċembru, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex jitgħaxxaq bil-ġmiel tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, matul jum mimli attivitajiet b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Dan il-jum huwa sinonimu mal-ftuħ tar-rigali u x-xandira popolari tal-ġbir tal-flus l-Istrina. Biex ikomplu fuq din it-tema u jagħmluhulkom aktar memorabbli, Heritage Malta ħejjiet rigal speċjali għal kulħadd, filwaqt li jgawdu wkoll nies fil-bżonn.
Nhar is-26 ta’ Diċembru bejn l-10:00 u s-18:00, il-pubbliku qed ikun imħeġġeġ biex iżur il-Palazz tal-Gran Mastru u jesperjenzah hekk kif qed jerġa’ jirkupra lewnu taħt l-idejn mgħallma tal-esperti tagħna. Il-qligħ u l-għotjiet kollha li se jinġabru se jingħataw lill-Malta Community Chest Fund.
L-għodwa se tibda b’pass immarċjat, hekk kif truppa ta’ żmien l-Ordni mill-Inguardia se tmexxi n-nies mill-Forti Sant’ Iermu sal-Palazz fil-qalba tal-Belt Valletta. Dawn il-kavallieri u suldati kkuluriti se jkomplu janimaw il-binja maestuża tal-Palazz matul iljum.
Wieħed jista’ jżur ukoll il-wirja ‘Il-Mixja tal-Presepju ma’ San Franġisk’, li bħalissa qed issir fil-Palazz fil-bitħa. Ma jonqsux ukoll ikel u xorb tradizzjonali tal-Milied.
Studenti u anzjani se jkunu jistgħu jiġbru l-passaport tagħhom ta’ Heritage Malta mill-istess post.
L-Uffiċċju tal-President se jkun miftuħ għall-pubbliku waqt dan l-avveniment.
Id-dħul huwa abbażi ta’ donazzjoni ta’ €2, u min jixtieq u jista’ jgħin xi ftit aktar se jkun jista’ wkoll jagħmel dan fil-kaxxi tad-donazzjonijiet.
//= $special ?>