Lokali

Il-Gvern iqarraq fuq il-prezz tal-ħalib fil-pajjiżi Ewropej

Riċerka sempliċi fuq l-internet twaqqa’ kompletament ir-retorika partiġġjana tal-Gvern dwar il-prezz tal-ħalib; bil-magna ta’ Kastilja, fl-aħħar jiem, provat tbella’ lin-nies li l-prezzijiet f’Malta huma orħos mill-kumplament tal-Ewropa.

Mill-Ġimgħa, il-prezz tal-ħalib frisk ta’ Litru se jitla’ għal €1.15. Dan meta madwar l-Ewropa, gvernijiet rispettivi ħadmu spalla ma’ spalla mal-produtturi sabiex il-ħalib ma jogħliex u ma jkunx piż fuq il-familji.

U r-realtà tgiddeb dak li qal il-Ministru Galdes:

Fil-fatt, il-prezz ta’ Litru ħalib fi Franza huwa ta’ €1.04.

Fi Spanja, il-prezz medju tal-ħalib frisk huwa €1.03; u f’xi każi, anke orħos minn hekk.

Fil-Ġermanja, fil-maġġoranza tal-ibliet, il-ħalib frisk jinbiegħ ewro jew €1.01. L-istess fil-Polonja u l-Irlanda fejn il-ħalib huwa orħos minn Malta.

Anke rapporti li janalizzaw is-settur agrikolu fl-Ewropa juru li f’Malta u Ċipru għandna l-ogħla prezz tal-ħalib – prezz ferm aktar għoli mill-Estonja, mill-Fillandja u minn dak fl-Italja.

Dan kollu jikkonferma kif id-daqqa tal-għoli tal-ħajja qed tinħass ġmielha fost iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, biż-żieda qawwija fil-prezzijiet ta’ oġġetti li huma meqjusin bħala essenzjali – fosthom il-prezz tal-ħobż u l-ħalib, il-laħam, ħaxix u frott, kif ukoll l-għaġin u prodotti ta’ ikel ippakjat.

Il-piż fuq il-ħaddiema u l-anzjani qed jiżdied ukoll minħabba li l-Gvern – apparti li mhux jgħin lir-raħħala – mhux qed ikun ta’ sostenn għall-importaturi. U baqa’ qatt ma implimenta l-proposta tal-PN li jkun hemm fond ta’ miljuni sabiex jingħata appoġġ lil dawk li jimpurtaw, bil-għan li l-piż tal-prezzijiet ma jiġix trasferit fuq il-konsumaturi.