Edukazzjoni Lokali

Il-Gvern ma ressaq ebda proposta ġdida rigward il-pagi tal-għalliema

Għaddew ‘il fuq minn 3 ġimgħat mill-istrajk nazzjonali tal-għalliema, u jidher li l-Gvern ma jridx iċedi mill-proposti oriġinali tiegħu rigward il-pakkett finanzjarju fil-ftehim settorali tal-għalliema.

U allura … dan it-tkaxkir tas-saqajn minn naħa tal-Gvern ta’ Robert Abela jikkonferma li qed jikser il-wegħda li għamel fil-manifest elettorali – proposta numru 251, illi permezz tagħha il-Labour wiegħed żieda sostanzjali fil-pagi tal-edukaturi.

Matul il-jum tat-Tlieta Net News saqsa lill-President tal-MUT Marco Bonnici fejn waslu d-diskussjonijiet fejn hu stess ikkonfermalna illi minn wara l-istrajk, il-Ministru Clifton Grima ma ppreżenta l-ebda proposta riveduta.

Apparti minn hekk, Marco Bonnici spjega li għalkemm għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet mal-Gvern…dak li ġie diskuss mhuwiex fuq il-karta. Għalkemm xorta għadu qed jittama li fil-ġimgħat li ġejjin jintlaħaq qbil bejn iż-żewġ partijiet.

Cluftin Grima minn naħa tiegħu qalilna li l-Gvern ippreżenta l-proposti tiegħu xhur ilu; proposti li l-MUT ma kinitx qablet magħhom, tant li kellhom jirrikorru għal strajk nazzjonali.

Il-fatt jibqa’, li qabel tmiem din is-sena mhux se jintlaħaq qbil dwar il-pagi tal-edukaturi. U allura l-futur tal-edukazzjoni f’pajjiżna għadu wieħed inċert immens b’għalliema li ma jridux ikomplu f’dawn il-kundizzjonijiet. U bi Gvern li ma jridx jirrikonoxxi is-sehem importanti li qed jagħtu l-għalliema għall-futur tas-socjeta tagħna, specjalment għall-qasam tax-xogħol.