Minkejja il-propaganda kollha tal-Prim Ministru Robert Abela, il-fatti juru li l-livell tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna huwa ferm akbar mill-medja tal-Unjoni Ewropea u mill-medja tal-pajjiżi fiz-Zona Ewro.
Dan kien konfermat minn ċifri tal-Uffiċċju Ewropew tal-Istatistika, illi ħarġu illum.
In-numri li ħarġu mill-Eurostat juru li r-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta tiżboq sew ir-rata tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżi bħall-Italja, l-Olanda u l-Portugall. Anke l-piż tal-prezzijiet f’pajjiżi bħal Ċipru, Spanja u l-Irlanda huwa inqas minn dak ta’ Malta – fatt illi juri kemm il-familji Maltin u Għawdxin spiċċaw iġorru piż enormi minħabba ż-żieda enormi fil-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi.
Iċ-ċifri uffiċjali juru li f’Malta, f’Novembru, l-għoli tal-ħajja baqgħet fil-livell ta’ madwar 4 fil-mija. B’differenza, il-medja tal-UE hi ta’ 3.1 fil-mija.
FʼNovembru, l-akbar impatt fuq l-inflazzjoni annwali ġie mill-Indiċi tal-Ikel u x-xorb mhux alkoħoliku (+1.45 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla ta’ prodotti moħmija. It-tieni u t-tielet l-akbar impatti pożittivi fuq l-inflazzjoni ġew innotati fl-Indiċi tar-Ristoranti u lukandi (+0.86 punti perċentwali) u fl-Indiċi tal-Akkomodazzjoni, ilma, elettriku, gass u tipi taʼ karburanti oħrajn (+0.53 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla fis-servizzi tar-ristoranti u fil-kirjiet.
//= $special ?>