Lokali

Ir-rapport annwali tal-NAO juri li l-Ministeri ripetutament qed jinjoraw il-proċeduri uffiċjali

Kuntratti ta’ eluf ta’ ewro, mingħajr awtorizzazjoni.

Kuntratti mingħajr sejħa pubblika.

Ħlasijiet mill-Gvern wara li kuntratt ikun skada.

Litanija sħiħa ta’ irregolaritajiet.

Huma dawn uħud min-nuqassijiet kbar illi sab ma’ wiċċu l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali wara li twettqu serje ta’ audits fuq l-operat tal-Gvern. Eżerċizzju illi sab kif bosta Ministeri qed jibqgħu jagħtu eluf ta’ ewro lil kumpaniji wara li l-kuntratt jkun skada l-kuntratt jew saħansitra jingħataw eluf ta’ ewro apparti l-kuntratt li jkun għadu fis-seħħ. Dan apparti Ministeri li għandhom informazzjoni kruċjali nieqsa; fost numru ta’ irregolarijtajiet oħra.

Ir-rapport tal-NAO li ġie ppublikat it-Tnejn jinkludi ‘il fuq minn 250 rakkomandazzjoni li jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati mill-Awditur Ġenerali, bil-għan li tissaħħaħ il-governanza tajba.

Fir-rapport intqal illi f’diversi każijiet, kumpaniji ingħataw kuntratt mingħajr l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi kif ukoll mingħajr id-dokumenti kollha meħtieġa. Dan apparti li diversi entitajiet ma jagħmlux sejħa pubblika għall-procurement iżda minflok jistiednu huma l-kumpaniji li jixtiequ.

Il-Ministeru tal-Anzjanità Attiva li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Jo Etienne Abela huwa wieħed mill-Ministeri li juża l-aktar din il-prattika; apparti li jkompli jagħti flus wara li jkun skada l-kuntratt partikolari.

Ir-rapport semma’ wkoll eżempju partikolari fejn minflok ħareġ tender ġdid sabiex kumpanija tipprovdi l-ikel fid-djar tal-anzjani, il-Ministru Abela żamm l-istess kumpanija mingħajr kuntratt. B’kollox din il-kumpanija tħallset ‘il fuq minn €5 miljuni bejn l-2016 u din sena – meta l-kuntratt tagħhom skada f’Diċembru tal-2015.

Jo Etienne Abela mhuwiex l-unika wieħed li mexxa b’mod irregolari. Dan hekk kif il-Ministeru ta’ Għawdex li jaqa’ taħt ir-responsabbilta ta’ Clint Camilleri ripetutament qassam kuntratti ta’ ftit anqas minn €10,000. Jidher li dan sar sabiex jevita ir-regolamenti marbuta mal-public procurment.

Dan apparti li l-Ministeru għal Għawdex ħareġ xejn anqas minn 37 direct order lil kumpanija waħda tas-sigurtà bejn Diċembru tal-2021 u Novembru tas-sena li għaddiet; direct orders li jammontaw għal aktar minn €200,000 – eluf li ħarġu mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.