Lokali

Konsultazzjoni pubblika dwar proposta ta’ ‘Management Plan’ għall-Belt Valletta

Il-Gvern nieda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta’ management plan għall-Belt Valletta bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO sa mill-1980.

Il-proċess se jibda l-Erbgħa u se jibqa’ għaddej għal perjodu ta’ tmien ġimgħat, fejn dawk kollha interessati jistgħu jaċċessaq id-dokument ta’ proposta għal management plan għall-Belt Valletta u jibagħtu l-kummenti u suġġerimenti tagħaom dwaru.

Il-Management Plan għall-Belt Valletta huwa rekwiżit mill-UNESCO għal kull sit li jagħmel parti mil-lista tal-Wirt Dinji. Dan il-management plan kif abbozzat, li se jkun l-ewwel management plan li qatt kellha l-Belt Valletta, huwa mqassam fuq seba’ kapitli, bis-seba’ kapitlu jkun l-qafas ta’ pjan ta’ azzjoni għas-snin li ġejjin.

Il-management plan se jkun qed jitratta dawk li jissejħu elementi li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ ‘outstanding universal values’, li jagħżlu lill-Belt Valletta bħala wirt uniku tal-umanita’.

Fost dawn l-elementi hemm l-awtentiċita’ tal-belt, l-integrita’ tagħha, u l-komunita’ Beltija bil-wirt tanġibbli u intanġibbli tagħha.

L-għan ta’ dan il-pjan huwa li filwaqt li tkun assigurata l-konservazzjoni u l-preservazzjoni tal-belt storika, il-belt tibqa’ iċ-ċentru ħaj u vibranti ta’ pajjiżna, xi ħaġa li baqgħet karatteristika tagħha sa minn meta twaqqfet.

Kull min jixtieq li jipparteċipa fil-konsultazzjoni pubblika jista’ jagħmel dan sat-22 ta’ Frar, 2024. Dan billi jaċċessa d-dokument mis-sit: https://www.gov.mt/mt/publicconsultation/Pages/default.aspx. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu b’email fuq valletta.unesco@gov.mt, kif ukoll bil-posta: 21, Triq l-Arċisqof, Valletta.