Lanqas għasafar li qed jinħelsu mill-kaċċaturi nfushom mhuma qed jeħilsuha mill-kaċċa illegali dan l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa!
Hek saħqet fi stqarrija Bird Life Malta hekk kif dan il-Barbaġann li jifforma parti minn proġett tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) biex din l-ispeċi terġa’ tiġi introdotta mill-ġdid fis-selvaġġ spiċċa fil-mira tal-kaċċa illegali fl-aħħar jiem, u nstab ferut fil-grawnds ta’ skola.
L-għasfur ferut – b’ferita evidenti kkawżata minn tir ta’ senter fil-ġewnaħ tal-lemin – instab fl-Iskola ta’ St Dorothy f’Ħaż-Żebbuġ.
L-għasfur instab minn membru tal-pubbliku li għaddieh lil BirdLife Malta t-Tnejn 18 ta’ Diċembru. Wara li kien eżaminat mill-veterinarju tal-gvern, illum kien ikkonfermat li l-għasfur kien qed isofri minn ġerħa kkawżata minn tir ta’ senter, bil-ġewnaħ tal-lemin miksur.
L-għasfur għandu ċurkett f’siequ tax-xellug bid-dettalji “024-BORP”. Dawn id-dettalji jindikaw il-fatt li huwa mill-proġett tal-FKNK, bl-ittri BORP jfissru “Barn Owl Reintroduction project”.
Dan il-proġett imniedi mill-FKNK fl-2018 hu ffinanzjat mill-Gvern permezz tat-Taqsima għar-Regolamentazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (Wild Birds Regulation Unit, WBRU), u l-għan tiegħu hu li terġa’ tiġi stabbilita popolazzjoni ta’ din l-ispeċi wara li din inqerdet bil-kaċċa illegali matul is-snin. Diveri pari ta’ Barbaġann kienu jbejtu regolarment f’Malta u Għawdex sat-tmeninijiet.
Il-Barbaġanni jiġu mrobbija fil-magħluq f’faċilità fil-Buskett, qabel ma jinħelsu lura fin-natura bit-tama li dawn l-għasafar sbieħ imbagħad ibejtu mill-ġdid fis-selvaġġ madwar il-Gżejjer Maltin.
B’xorti ħażina għal dan l-għasfur, din l-opportunità ntemmet ħesrem kaġun tal-kaċċa illegali – li kif juri b’mod ċar dan l-episodju stess – tibqa’ rampanti u indiskriminatorja, bil-kaċċaturi jisparaw fuq kulma jtir, speċjalment fl-istaġuni miftuħa tal-kaċċa bħalma huwa l-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa li għaddej bħalissa u li fadallu sal-aħħar ta’ Jannar 2024.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal: “Dan l-inċident, li huwa biss farka mill-ammont kbir ta’ illegalitajiet tal-kaċċa li jseħħu f’Malta, ifakkarna f’kemm il-kaċċa hija qerrieda u kemm morna lura fiż-żmien meta anke l-isforzi tal-għaqdiet tal-kaċċaturi biex jippruvaw juru li qed jagħmlu xi ħaġa biex ipattu għall-attivitajiet tal-kaċċaturi, jispiċċaw mtebbgħa bid-demm aħmar litteralment mill-kaċċaturi nfushom. X’differenza mill-konservazzjoni vera!”
//= $special ?>