Atletika Sport

Lisa Bezzina tidħol fl-ewwel post fin-nofs maratona ta’ Pisa

Għal ħames darba fil-karriera, Lisa Bezzina daħlet fl-ewwel post fin-nofs maratona ta’ Pisa.

Apparti li kienet l-ewwel atleta mara, suċċess għal Lisa Bezzina li fil-klassifika ġenerali daħlet fis-37 post fost 763 atleta.

Bezzina għamlet id-distanza f’siegħa, 21 minuta u 41 sekonda fejn kellha medja ta’ 3 minuti u 48 sekonda fil-kilometru.

B’distakk notevoli fit-tieni post daħlet Oliboni Da Luiz Jocasta tal-Brażil f’siegħa 22 minuta u 4 sekondi qabel Irene Faccanoni tal-Italja f’siegħa 25 minuta u 40 sekonda.

Lisa Bezzina hija r-rebbieħa tal-Kampjonat Nazzjonali tal-10,000 metru kif ukoll din is-sena rebħet il-midalja tad-deheb fuq l-istess distanza fl-edizzjoni ta’ Malta tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa.