Lokali

Lon Kirkop huwa r-Rebbieħ Tal-Premju Għall-Aħjar Awtur Emerġenti 2023

Il-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti dis-sena ngħata lil Lon Kirkop, li fl-istess serata rebaħ ukoll il-kategorija tad-drama bil-ktieb Fil-Ħajja li Jmiss u Drammi Oħra tat-Triq.

Waqt id-diskors tiegħu fis-serata tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, Lon Kirkop irrimarka li meta kittieb ikun fil-bidu tal-karriera tiegħu rikonoxximenti bħall-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti jew ir-rebħ ta’ konkorsi nazzjonali jgħinuh ikompli jagħraf li dak li jkun qed jagħmel huwa validu.

Minbarra kotba li jkunu ġew ippubblikati s-sena ta’ qabel, il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għandu premji speċjali li jirrikonoxxu persuni li jkunu taw jew qed jagħtu kontribut siewi fil-qasam letterarju lokali.

Wieħed minn dal-premji jmur għand awturi żgħażagħ li jkunu diġà ddistingwew ruħhom bil-kitba u x-xogħol artistiku tagħhom. Dal-premju jirrikonoxxi lil dak jew dik il-kittieba li tkun qed tistinka sabiex ittejjeb is-sengħa tal-kitba u l-ħila kreattiva tagħha.

Il-kitba ta’ Kirkop hija xhieda tas-saffi differenti li jaf jibnu x-xogħlijiet artistiċi tiegħu. Ma joqgħodx lura milli jesplora temi bħas-sesswalità, l-identità u l-politika skont polz soċjali li jieħu lill-qarrej fi vjaġġ emottiv sabiex jitqanqlu dawk il-konverżazzjonijiet meħtieġa.

Fil-paġna letterarja dwar Fil-Ħajja li Jmiss u Drammi Oħra tat-Triq, Mark Vella jikkummenta li d-drammi ta’ Kirkop huma eżempji ta’ teatru ħaj u qrib in-nies li jistgħu anki jinqraw bħala narrattiva miktuba. Skont Vella, Kirkop għandu l-kapaċità li jaħkem b’mod infurmat tema bħad-dibattitu dwar il-ġeneru u l-identità u jittrattaha bis-serjetà u bl-ironija meħtieġa. B’hekk bis-saħħa ta’ dal-bilanċ jagħmel id-diskussjoni aċċessibbli mingħajr ma jiżvalutaha.