Internazzjonali Temp

Maltemp f’South Carolina jħalli erba’ vittmi u eluf jispiċċaw bla dawl

Minn tal-inqas erba’ persuni spiċċaw vittma tal-maltemp f’South Carolina, u aktar minn 600,00 persuna spiċċaw bla dawl it-Tlieta filgħodu.

Dan il-maltemp ġab miegħu xita qliel u għargħar illi wassal biex ifuru x-xmajjar.

Waħda mill-vittmi kienet mara ta’ 72 sena li nqabdet f’karozza li spiċċat taħt l-ilma. It-tieni vittma kien raġel ta’ 89 sena li miet kaġun ta’ riħ qawwi li qaleb siġra fuq it-trailer tiegħu.

Raġel ieħor ta’ 40 sena spiċċa vittma wara li waqgħet siġra fuqu hekk kif kien qed inaddaf il-bejt. U r-raba’ vittma kien anzjan ta’ 73 sena li sfortunatament għereq hekk kif il-karozza tiegħu spiċċat taħt l-ilma.

Minħabba dan il-maltemp numru kbir ta’ titjiriet kellhom jitilqu tard, u 500 tħassru. Dan filwaqt li l-iskejjel ġew avżati sabiex ma jiftħux minħabba l-kundizzjonijiet kiefra fit-toroq.

In-National Weather Service qed ibassar li fil-jiem li ġejjien ix-xita se tikkalma, u fiz-zona jkun hemm temp aktar xott.