Lokali Qorti

Mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq l-eks sieħba tiegħu

Raġel ta’ 29 sena minn Bormla, li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti biex jiġu protetti l-allegati vittmi ġie mixli li jumejn ilu għall-ħabta tat-3.30pm, fir-residenza tiegħu f’Bormla, ikkaġuna ġrieħi gravi lill-eks sieħba tiegħu li tiġi omm iż-żewġt uliedu. 

Hu kien akkużat ukoll li dakinhar fl-għassa ta’ Bormla kkaġuna ġrieħi ħfief lin-neputija tiegħu ta’ 16-il sena u li bl-imġiba tiegħu kkaġuna biża kemm fuq l-eks sieħba kif ukoll lin-neputija, liema biża’ hi li se tintuża vjoljenza kontrihom.

Ir-raġel tressaq quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo, bl-Ispettur Christian Cauchi jgħid li l-allegata vittma marret l-għassa b’wiċċha kollu demm u xofftejha maqsumin. Skont hi marret biex tiġbor it-tfal mingħand l-akkużat u rat il-karozza tas-sieħba ġdida tal-akkużat ipparkjata barra.

Cauchi qal li l-allegata vittma, bdiet tħabbat fuq il-bieb u meta nfetaħ, omm l-akkużat tatha daqqa ta’ mobile fuq rasha u l-akkużat spiċċa taha daqqa ta’ minkeb f’wiċċha bir-riżultat li ħarġilha d-demm. Żied li mbagħad l-allegata vittma marret l-għassa man-neputija tal-akkużat fejn eventwalment mar ukoll l-akkużat.

Qal li barra l-għassa ta’ Bormla, inqalgħet kommossjoni u l-akkużat allegatament ħabbat ras in-neputija tiegħu mal-bieb tal-għassa. Meta mistoqsi l-akkużat qal li jaħdem bħala kok f’żewġ stabbilimenti. Huwa wieġeb ukoll mhux ħati tal-akkużi kontrih. 

Id-difiża għalet talba għall-pleġġ bil-prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa kollha minħabba biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi għax qalet li l-proċeduri għadhom fi stadju bikri u hemm żewġ persuni li għad iridu jixhdu. II-prosekuzzjoni kkonfermat ukoll li se jittieħdu passi kontra l-eks sieħba tal-akkużat, iżda mhux b’arrest billi l-allegati reati, huma ta’ feriti ħfief u għalhekk se tirressaq il-Qorti b’ċitazzjoni.

Id-difiża argumentat li jeżistu biżżejjed kawteli li jistgħu jiġu mposti fuq l-akkużat, biex jiġi garantit li ma jkunx hemm intralċ tal-provi. Qalet li l-fedina penali tal-akkużat hija netta u li l-akkużat għandu mpjieg fis. Aktar minn hekk, hu u l-allegata vittma ma jgħixux fl-istess lokalità.

Id-difiża qalet li minbarra żewġt itfal li l-akkużat għandu mal-allegata vittma, għandu wkoll żewġt itfal oħra ma’ mara oħra u li b’kollox imantni erbat itfal u għalhekk hemm il-ħtieġa li dan jibqa’ miexi b’mod normali.

Qalet li f’erba’ snin qatt ma kien hemm inċidenti bejn l-akkużat u l-allegata vittma u minkejja li r-relazzjoni bejniethom spiċċat kienu ftehmu bl-aktar mod ċiviku mingħajr ordni tal-Qorti, dwar il-manteniment li jħallas u l-aċċess għat-tfal.

Id-difiża ddeskriviet l-inċident tal-Ħadd li għadda bħala wieħed ta’ għira, għax l-allegata vittma marret ħdejn ir-residenza tal-akkużat meta mhux suppost kienet hemm u kif indunat li hemm is-sieħba attwali għandu, marret għas-sodisfazzjon bir-riżultat li kważi sgassat il-bieb ta’ barra ta’ omm l-akkużat u ħebbet għall-ommu.

Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiż’a għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ €3,500 filwaqt li mponiet diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirma tliet darba l-għassa ta’ Bormla u jkun f’daru bejn in-nofsiegħa ta’ filgħodu u s-sitta’ ta’ filgħodu. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegati vittmi u l-familjari tagħhom.

Id-difiża tmexxiet mill-avukati Roberto Montalto u Matthew Xuereb. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Alessia Schembri mill- Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Christian Cauchi.