Lokali

“Pet m’għandux jingħata rigal fi żmien il-Milied”

Hekk kif il-jum tal-Milied dejjem qiegħed joqrob u bosta persuni għadejjien bl-aħħar ftit xiri tar-rigali, huwa utli li mill-ġdid jinħoloq għarfien sabiex l-annimali ma jibqgħux jingħataw bħala rigal.

Għalkemm bosta ġriewi u qtates żgħar ikunu ħelwin ħafna u jafu jġibu ferħ lil dawk li jirċivuhom, dawn ħafna drabi jispiċċaw mitluqa fit-triq jew fix-shelters hekk kif dawk li jirċivuhom ma jkunux jafu l-impenn li dawn jirrikjedu.

Dwar dan Net News tkellem ma Moira Delia, attivista li ilha snin twal taħdem favur id-drittijiet tal-annimali, illi qaltilna li sa din il-ġimgħa stess kienet għadha kif ġiet ikkuntatjata minn familja li xtraw ġeru minghand breeder bil-kundizzjoni li dan jibqa’ żgħir – pero dan spiċċa kiber u l-familja ma riditx iżommu iżjed.

Hawnhekk hi fakkret li jekk irridu li dan il-Milied neserjenzaw l-imħabba vera ma għandix għalfejn bilfors nixtru ġeru pur, imma nistgħu naddotaw annimal minn xi santwarjuu – illi żgur mhux forsi joffrulna imħabba sinċiera.

Intant huwa fatt maruf li dawn il-kampanji biex ikun hawn iżjed għarfien ilhom snin għadejjin; pero in-numru ta’ annimali li jiġu abbandunati sfortunatament mhux qed jonqos.

Moira Delia spjegat li din mhux xi ħaġa li qed issir għax m’hawnx biżejjed edukazzjoni, hekk kif diversi għalliema u NGO’s ta’ spiss ifakkru dwar l-importanza sabiex ma jiġux abbandunati animali – iżda hemm nuqqas ta’ infurzar fuq il-breeders u nuqqas ta’ infurzar fuq it-trattament xieraq tal-annimali, illi qed iwassal għal ħafna abbandun.

Tant in-numru mhux qed jonqsu li sfortunatament is-santwarji qatt ma kienu daqshekk mimlijin; fi kliem sempliċi ninsabu viċin il-punt li l-annimali abbandunati ikollhom jitraqdu għax ma fadalx għażla oħra.