Lokali

Appell biex tiżdied l-inklussività u l-aċċessibilità

Il-President George Vella ħeġġeġ lill-awtoritajiet sabiex ikomplu jżidu l-kuxjenza dwar id-dimensja, bil-għan li s-soċjetà titgħallem tagħraf u tifhem aktar din il-kundizzjoni li ma nistgħux ninjorawha.

Waqt is-serata tal-Premju Nazzjonali fil-Qasam tad-Dimensja, il-President sejjaħ biex titjieb l-inklussività u l-aċċessibilità fil-komunità għall-persuni li jbatu mid-dimensja.

Filwaqt li feraħ lill-erba’ rebbieħa u lin-nominati kollha, il-President wera apprezzament kbir lejn id-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji mwettqa minn persuni li jaħdmu f’kull settur tal-kura tad-dimensja.

George Vella – illi huwa tabib – spjega kif id-dimensja tħalli effetti negattivi fuq il-kwalità tal-ħajja tal-individwi affettwati direttament minn din il-kundizzjoni u fuq il-membri tal-familja u dawk li jagħtu l-kura.

Huwa spjega illi li tieħu ħsieb persuna bid-dimensja hija sfida mhux żgħira. U fisser kif qaba li jieħdu ħsieb lil xi ħadd li jgħix bid-dimensja jesperjenzaw huma stess, stress fiżiku u emozzjonali, ansjetà u piżijiet tqal oħra. Għalhekk huwa importanti “li nkomplu ninvestu fir-riżorsi biex inkunu kapaċi noffru kura dinjituża lil dawk li qegħdin isofru mid-dimensja” stqarr il-President ta’ Malta.

Matul is-serata, il-Premju għal carer informali ingħata lil Roslynn Vella, filwaqt li l-Premju għal professjonist jew tim fil-qasam tad-dimensja ingħata lil Carmel Damato.

Anthony Scerri ġie rikonoxxut bil-Premju għal kontribut eċċezzjonali fil-qasam tad-dimensja, filwaqt li Rita Vella ingħatat Rikonoxximent speċjali.