Lokali Qorti

Fil-Qorti jitressqu aktar persuni li ffrodaw lid-dipartiment tas-Sigurtà Soċjali: Uħud jgħidu li ntbagħtu għand Silvio Grixti minn Kastilja

Komplew jitressqu aktar persuni li ħafna minnhom ammettew li wettqu frodi fil-konfront tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Fost dawn kien hemm min qal li meta kienu marru Kastilja, dawn kienu jirreferuhom għand l-eks Deputat tal-Labour Silvio Grixti.

Ftit ilu mara minn Ħal Tarxien li talbet lill-Qorti, li aċċettat – biex isimha ma jixxandarx għal raġunijiet ovvji qalet lill-Qorti li meta marret Kastilja biex tieħu dak li qalulha benefiċċji li kellha dritt għalihom, qalulha li biex tirranġa riedet tmur għand l-eks Deputat Laburista Silvio Gricti biex jirranġalha. Għal din il-mara deher l-avukat Jason Azzopardi.

Fost dawn li tressqu ħafna minnhom ammettew, anke jekk kien hemm min ma riedx jammetti l-akkuża ta’ falsifikazzjoni minħabba li skont huma l-iffalsifikar sar minn naħa ta’ min irranġalhpm biex jidħlu f’din l-iskema, u li kien hemm minnhom li ħasbu li din kienet xi ħaġa li ma tikser l-ebda liġi.

L-eks backbencher Laburista Silvio Grixti ilu jissemma’ bħala l-persuna li għal snin sħaħ għen lil mijiet ta’ nies sabiex jirċievu benefiċċji ta’ diżabilità li ma kinux intitolati għalihom – flus li daħħlu fil-but tagħhhom, kull xahar, b’mod frawdolenti. Kemm Grixti kif ukoll persuni oħra mplikati ma din l-iskema, baqgħu ma tressqux il-Qorti, kienu biss persuni li bbenefikaw mill-iskema li tressqu l-Qorti.

Grixti, li huwa tabib tal-familja, allegatament ipprovda dokumenti mediċi foloz lil persuni, li ġeneralment kienu ġejjin minn distretti meqjusa bħala Laburisti. Dan sabiex jirċievu ħlas ta’ madwar €450 fix-xahar f’benefiċċji soċjali; racket li ilu jsir u ssokta anke fl-2020, taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela.

L-aħħar tliet persuni li tressqu ammettew li ffrodaw lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali b’persuna minnhom tingħata sentenza ta’ ħabs sospiża u t-tnejn l-oħra ordnati jagħmlu xogħol fil-komunità. Denis Farruga, ta’ 42 sena, ammetta li wettaq dan ir-reat bejn Novembru 2020 u Lulju 2023.

Minbarra li ġie ordnat jirrifondi lid-Dipartimnt €14,737, Farrugia kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin. Maria Mallia, ta’ 67 sena, ukoll ammettiet li ffrodat lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, bejn Ġunju 2020 u Ġunju 2023. Hija ġiet ordnata tagħmel 240 siegħa xogħol fil-komunità wara li kien stabbilit li hija ħallset l-ammont frodat ta’ €15,910.

Noel Cefai, ta’ 42 sena, ammetta li wettaq l-istess reat bejn Jannar 2020 u Ġunju 2023 u kien ordnat jagħmel 480 siegħa xogħol fil-komunità u jrid jirrifondi lid-Dipartiment €15,879. Peress li huwa uffiċjal pubbliku l-Qorti ordnat ukoll l-interdizzjoni ġenerali perpetwa tiegħu.

Il-prosekuzzjoni f’dawn il-kawżi, li nsemgħu quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, kienet immexxija mill-Ispetturi Wayne Rodney Borg u Andy Rotin.