Internazzjonali

Il-Medda ta’ Gaza: Rawnd ta’ diplomazija intensiva fost it-tamiet għal pawża oħra fil-ġlied

Filwaqt li l-battalji f’Gaza għadhom għaddejjin b’intensità kbira, hemm ukoll xaqq ta’ dawl għal tieni ftehim għal waqfien mill-ġlied bejn l-Armata ta’ Iżrael u t-terroristi tal-grupp Ħamas.

Dan waqt li bħalissa għaddejjin taħditiet ikkumplikati għal pawża fil-ġlied, bil-Qatar u l-Eġittu mill-ġdid qed iservu bħala medjaturi fin-negozjati.

Hu anki sinifikattiv il-fatt li l-Kap tal-Ħamas, Ismail Haniyeh, qed jinvolvi ruħu fit-taħditiet għal waqfien mill-ġlied li qed isiru fl-Eġittu – u wara li l-President ta’ Iżrael, Isaac Herzog, tenna li pajjiżu jinsab lest għal ‘pawża oħra fl-ostilitajiet’.

L-aħħar rapporti qalu li Iżrael qed jinsisti b’numru ta’ kundizzjonijiet relatati mat-tpartit potenzjali ta’ priġunieri Palestinjani mal-ostaġġi li nħatfu mill-Ħamas meta t-terroristi kienu wettqu r-rejds qattiela f’Iżrael fis-7 ta’ Ottubru.

Il-kelliema għall-Ħamas, qabel, qalu li għandhom jeħilsu lill-ostaġġi ‘biss’ dment li Iżrael jaqbel għal waqfien mill-ġlied permanenti. Intant, Iżrael għadu jinsisti li l-gwerra f’Gaza għandha tieqaf biss ladarba l-Ħamas jitneħħa mill-poter darba għal dejjem.