Lokali

“Il-Ministri obbligati jwieġbu d-domandi parlamentari” – Desmond Zammit Marmara

“Meta se nibdew nieħdu l-kunċetti ta’ trasparenza, kontabilità u governanza tajba bis-serjetà u nibdew verament nipprattikawhom?”

Hekk stqarr l-attivista Laburista u eks kunsillier Desmond Zammit Marmara, fil-konfront tal-Gvern tal-Labour….fi blog li ġie ppubblikat l-Erbgħa filgħodu, fejn esprima d-diżappunt tiegħu lejn l-Ministri ta’ Robert Abela, illi naqsu milli jwieġbu 750 mistoqsija parlamentari minn wara l-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu tal-2022.

Informazzjoni provduta mill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, żvelat illi l-Ministri naqsu milli jwieġbu xejn anqas minn 750 domanda parlamentari, bil-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima ma jweġibx 173 mistoqsija u l-Prim Ministru Robert Abela ma jweġibx 14-il mistoqsija.

L-attivist Laburista Desmond Zammit Marmara spjega illi meta kwalunkwe membru parlamentari jistaqsi mistoqsija sabiex jikseb ċertu informazzjoni, dan ikun qed jagħmlu għall-kostitwenti tiegħu u huwa għalhekk illi meta l-Ministri taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela ma jweġbux għal dawn il-mistoqsijiet huma jkunu qegħdin juru illi ma għandhomx interess fiċ-ċittadini illi ivvotawlhom u li tawhom il-poter.

Dan filwaqt illi kkundanna lill-Whip tal-Gvern Laburista illi għandu jżid l-isforzi tiegħu sabiex jagħmel ċert illi l-ebda mistoqsija parlamentari ma tibqa’ mingħajr tweġiba fi żmien raġonevoli.

Fil-blog tieghu, Zammit Marmara tenna illi hemm bżonn kruċjali illi l-Gvern tal-Labour jimmira illi jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari kollha…għaliex dan, fi kliemu, huwa dmir “sagrosant” ta’ kull Ministru.

L-eks kunsillier tal-Labour tenna illi l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jinsabu fil-kariga pubblika tagħhom sabiex jaqdu lill-poplu Malti u Għawdxi, u mhux biex il-poplu jaqdi lilhom….dan għaliex Malta hija Repubblika u dan ifisser illi l-poter huwa f’idejn iċ-ċittadini tal-pajjiż permezz tar-rappreżentanti tagħhom fil-Parlament Malti.