Lokali

Il-President jistieden lill-pubbliku biex iżur il-Palazz tal-Belt

Kien mument tassew ħelu meta l-President ta’ Malta George Vella akkumpanja grupp ta’ studenti tas-sitt sena tal-iskola Primarja tal-Belt Valletta illi kellhom l-opportunità jaraw ix-xogħol li sar fil-Palazz Presidenzjali.

Il-Perit David Zahra u l-Kuratur Emmanuel Magro Conti spjegaw lill-President Vella u lill-istudenti dwar ir-restawr estenziv illi sar fil-Palazz fl-aħħar erba’ snin u nofs … u li ħafna minnu issa tlesta.

Għal din iż-żjara kienu preżenti wkoll Mario Cutajar, Chairman ta’ Heritage Malta, u Noel Zammit, Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta.

Ix-xogħol li sar fil-Palazz tal-Belt huwa wieħed mill-isbaħ, u it-tibdil huwa wieħed sinifikanti…kif fisser il-President innifsu.

Il-President u l-istudenti żaru għall-ewwel darba s-swali awdjoviżivi li se jkunu qed jieħdu lill-viżitaturi fi vjaġġ tul l-450 sena ta’ storja tal-Palazz tal-Belt; minn żmien il-Kavallieri sal-lum il-ġurnata.

Il-President Vella stieden lill-pubbliku biex nhar it-Tlieta 26 ta’ Diċembru, iżur il-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt li se jkun miftuħ għall-pubbliku biex igawdi s-sbuħija tiegħu.

F’din l-attività, il-pubbliku se jkollu wkoll l-opportunità unika li jżur l-uffiċċju tal-President f’dan il-Palazz….li se jkun miftuħ bejn l-10am u s-6pm.