Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, akkumpanjat mis-Sinjura AnneMarie Grech, wassal l-awguri tiegħu għall-Milied u l-Ewwel tas-Sena lill-l-għola awtoritajiet ta’ pajjiżna. Dan hekk kif l-Erbgħa wara nofsinhar, iltaqa’ mal-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz Presidenzjali tal-Belt Valletta, u aktar tard matul il-ġurnata iltaqa’ wkoll mal-Arċisqof Charles Scicluna fil-Palazz tal-Arċisqof.
Matul il-ġurnata kien hemm ukoll żjarat mill-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ delegazzjoni immexxija mis-Segretarju Ġenerali Micheal Piccinino.

L-awguri lill-President u lill-Arċisqof twasslu anke mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista immexxi mill-whip Robert Cutajar kif ukoll mid-deputati tal-Partit Laburista; flimkien mal-Ispeaker Anglu Farrugia.
Aktar kmieni l-Prim Ministru, akkumpanjat minn Lydia Abela, wassal l-awguri lill-President u lill-Arcisqof. L-istess għamel il-Prim Imħallef Mark Chetcuti.
Dan l-iskambju ta’ awguri isir kull sena fl-eqqel tal-festi tal-Milied; u l-awguri ta’ din is-sena kienu okkażjoni tajba illi matulha l-Arcisqof Charles Scicluna fakkar kif is-sena li ġejja se niċċelebraw 60 sena mill-Indipendenza u 50 sena Repubbblika. U għalhekk huwa importanti li tkun sena ta’ riflessjoni, li fi kliem l-Arcisqof ghandna nibnuha fuq il-hames valuri li jsemmi Dun Karm fl-Innu Malti.
Dan l-iskambju ta’ awguri jasal ukoll qabel il-bidu ta’ sena importanti għal pajjiżna – sena li matulha se jkollna l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-elezzjonijiet lokali li għandhom jeleġġu l-Kunsilli ta’ Malta u Għawdex għall-ħames snin li ġejjin.
Fil-każ tal-MEPs, pajjiżna irid jeleġġi sitt deputati biex isibu posthom fil-Parlament Ewropew fejn ikunu l-vuċi taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin – Parlament Ewropew li dejjem aktar qed jieħu dimensjoni importanti fi teħid tad-deċiżjonijiet fuq livell internazzjonali, li jaffetwaw anke lil Malta.
