Lokali Unjoni Ewropea

L-UE tilħaq ftehim fuq Patt dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil

“Illum hi ġurnata storika. Irnexxilna nġibu l-Patt dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil. Wisq probabbli li din hi l-iktar liġi importanti ta’ dan il-mandat. Din kienet l-iktar sfida li kienet qed tinkwieta liċ-ċittadini tal-UE fl-elezzjonijiet tal-2019 u għadha għal ħafna sal-ġurnata tal-lum. Dan hu qbil li ilu fit-tħejjija għall-aħħar 10 snin.”

Hekk stqarret il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola waqt konferenza tal-aħbarijiet, li fiha tħabbar li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim dwar il-Patt relatat mal-Immigrazzjoni u l-Ażil.

L-istituzzjonijiet Ewropej qablu li fuq ħames liġijiet li jiffukaw fuq kif l-istati membri għandhom jaqsmu il-piż tal-wasliet tal-immigranti, x’jiġri f’każ ta’ kriżi, x’għandu jsir malli l-immigranti jaslu mal-fruntiera ewropea, kif jiġu proċessati talbiet għall-ażil u l-identifikazzjoni ta’ dawk li jkunu għadhom kif waslu.

Metsola tenniet li l-Ewropa għandha bżonn qafas leġiżlattiv b’saħħtu fl-istati membri kollha. Żiedet li l-immigrazzjoni kienet qed twassal għall-akbar tħassib fost iċ-ċittadini Ewropej qabel l-aħħar elezzjoni Ewropea u għalhekk kien hemm bżonn li l-politiċi ewropej iwettqu dak li wegħdu. Saħqet li hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tkun bla ħniena ma dawk li qed jisfruttaw lil dawk l-aktar vulnerabbli, iebsa ma dawk mhux eliġibbli u umana ma dawk li ġenwinament ikunu qed ifittxu protezzjoni.

“Irnexxilna nsibu bilanċ bejn is-solidarjetà u r-responsabbiltà. Ma kinitx faċli iżda dik tagħmilha bħala xi ħaġa iktar sodisfaċenti u ta’ importanza li rnexxilna. Irnexxilna ngħelbu kull sfida u urejna kif l-Ewropa tista’ tirnexxi dwar sfidi li jaffetwaw liċ-ċittadini. Żammejna kelmitna u wettaqna l-wegħdiet. DIn il-liġi se tkun qed tagħmel differenza.”

Il-ftehim jistabilixxi li għandu jkun hemm solidarjetà mandatorja mal-pajjiżi ewropej li jkunu taħt pressjoni minħabba d-dħul tal-immigranti. Jaħseb ukoll biex ikun hemm aktar skrutinju u ġbir ta’ informazzjoni dwar il-persuni li jkunu qed jidħlu f’territorju tal-Unjoni Ewropea.

Il-pass li jmiss hu li il-ftehim jkunu adottat mill-Parlament u mill-Kunsill qabel jibdew jidħlu fis-seħħ il-liġijiet.