Lokali Milied 2023

Madwar 38 presepju ta’ kull daqs, forma u materjali varji esbiti f’Palazzo Ferreria

L-Għaqda Ħbieb tal-Presepju – Malta qed ittella’ s-37 wirja tagħha f’Palazzo Ferreria, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta li tikkonsisti f’esebizzjoni ta’ madwar 38 presepju ta’ kull daqs, forma u materjali varji.

Il-presepji kollha huma maħdumin minn presepisti Maltin kemm veterani kif ukoll dilettanti ġodda li jkunu trawwmu fl-Għaqda.  Uħud minn dawn il-presepji saru waqt korsijiet li l-Għaqda torganizza matul is-sena, b’mod partikolari matul is-sajf fejn il-parteċipanti jibnu dak li aktarx ikun l-ewwel presepju tagħhom.

L-Ghaqda Ħbieb tal-Presepju – Malta tippromwovi il-presepju Malti, u sa fejn hu possibbli anke bil-pasturi maħdumin minn pasturari Maltin minflok wieħed jixtri dawk magħmulin barra minn pajjiżna.

Din is-sena, meta d-dinja presepistika qed tiċċelebra t-800 anniversarju tal-ewwel presepju li San Frangisk ta’ Assisi waqqaf fi Greccio, l-Italja fl-1223, l-Għaqda Ħbieb tal-Presepju Malta tellgħet xejn inqas minn erba’ wirjiet fl-aħħar xhur – tnejn fil-Belt Valletta, waħda fl-Isptar Mater Dei u l-oħra fil-Casino Notabile, s-Saqqajja, Rabat.

Dawn il-wirjiet kienu kollha ffinanzjati mill-Għaqda u midd-donazzjonijiet li l-pubbliku jagħti meta jżur il-wirja f’Palazzo Ferreria.

Il-wirja fil-Belt Valletta fetħet nhar il-Ħadd 10 ta’ Diċembru u mistennija tibqa’ tilqa’ l-preżenza tal-pubbliku kuljum mill-10 am sas-7 pm sal-Ġimgħa 29 ta’ Diċembru.