F’anqas minn sena, il-fiducja tal-poplu Malti u Għawdxi fil-Gvern ta’ Abela kompliet tonqos. U minn 63% f’Jannar, ir-rata ta’ fiduċja fil-Gvern ħadet daqqa kbira – biex issa niżlet għal 36%.
Dawn iċ-ċifri ħarġu mill-aħħar Eurobarometer, illi huwa l-kejl Ewropew li jagħti stampa ċara tas-sentiment ġenerali fil-pajjiżi membri; inkluż Malta.
L-istħarriġ tal-Eurobarometer sar bejn it-23 ta’ Ottubru u l-11 ta’ Novembru, u juri illi l-Maltin aktar jafdaw lill-istituzzjonijiet Ewropej milli lill-Gvern Malti. Fil-fatt, filwaqt li kienu biss 36% dawk illi wieġbu li għandhom fiduċja fil-Gvern ta’ Abela, 61% qalu li jafdaw l-Unjoni Ewropea – rata li hija ferm għola mill-medja tal-pajjiżi l-oħra.
Il-Eurobarometer sar fl-istess perijodu li fih il-Gvern kien għaddej bil-propaganda tiegħu dwar il-Budget; u l-effett jidher li ma kienx dak mixtieq minn nies ta’ Kastilja. Tant li ma ġiex rifless fil-mod kif wieġbu l-Maltin u l-Għawdxin għal dan il-kejl Ewropew.
Din id-daqqa għat-tmexxija ta’ Kastilja hija mera wkoll tas-surveys li ġew ippubblikati fl-aħħar xhur – fosthom dawk tal-MaltaToday, illi juru kif l-appoġġ lejn il-Labour naqas sew mill-elezzjoni ġenerali ‘l hawn.
Apparti minn hekk, il-Eurobarometer ma jinkludix fih l-effetti taż-żieda fil-prezz ta’ ċerti prodotti essenzjali li komplew jgħolew fl-aħħar ħames ġimgħat – barra prodotti oħrajn, bħall-ħalib, li se jogħla minn din il-ġimgħa.
Statistika li ħarġet mill-Eurostat din il-ġimgħa ikkonfermat illi r-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta tiżboq sew ir-rata tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżi bħall-Italja, l-Olanda u l-Portugall. Anke l-piż tal-prezzijiet f’pajjiżi bħal Ċipru, Spanja u l-Irlanda huwa inqas minn dak ta’ Malta – fatt illi juri kemm il-familji Maltin u Għawdxin spiċċaw iġorru piż enormi minħabba ż-żieda kbira fil-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi.
//= $special ?>