Sport Sport Ieħor

Ibburdjar: Stefanos Samaras joħroġ rebbieħ fil-Mapfre Euromed International Championship

Wara waqfa ta’ jumejn mit-tlielaq minħabba kundizzjonijiet ħżiena ta’ temp ,fil-Bajja tal-Mellieħa, sar il-Mapfre Euromed International Championship, organizzat mill-Malta Young Sailors’ Club.

It-tiġrijiet seħħew fost riħ qawwi iżda konsistenti u b’imbatt ta’ 2 metri, f’ġurnata ta’ sfida. L-uffiċjali tat-tlielaq Bojan Gale u Peter Farkas organizzaw b’suċċess erba’ tiġrijiet għall-flotot Optimist Senior u Cadet u tliet tiġrijiet fuq ir-rigs kollha tal-ILCA.

Il-flotta tal-Optimist Beginners ma kellha l-ebda tiġrijiet, b’hekk fl-ewwel tlett postijiet temmew Timothy Vella, Jeremy Decelis, u Ella Grech.

Fil-Klassi Senior tal-Optimist, Joan Domingo, minkejja li fl-aħħar ġurnata kiseb żewġ rebħiet, ma kienx biżżejjed biex jgħeleb lil Stefanos Samaras tal-Greċja li kiseb vantaġġ komdu b’erba’ rebħiet b’Adele Ramm-Ericson tal-Iżvezja fit-tielet post.

L-ewwel tlett postijiet fil-Klassi Cadet kienu Nathan Montebello, Casper Ramm-Ericson (Żvezja), u Elena Guidi (Italja).

Fil-Klassijiet ILCA, li qed jikkompetu fl-avveniment ta’ qabel tal-aħħar tal-Europa Cup, il-Kroat Vito Fili temm qabel l-Ungeriża Sara Lacko, bil-Kroat Edi Jurman fit-tielet post. Katrina Micallef, kisbet ir-raba’ post b’Emily Cantwell tal-Irlanda wkoll bi prestazzjoni notevoli.

Fil-Klassi ILCA 6 fl-ewwel postjiet Alexandra Lukoyanova (Bulgarija), Tea Peteh (Kroazja), u Sofia Naumenko (Ukrajna) filwaqt li Benjamin Vassallo rebaħ il-Klassi tal-Irġiel ILCA 6 segwit minn Tomek Vaccaro (Malta) u Kenan Tan (Singapore).

Fl-iżgħar flotta, il-flotta ILCA 7, rat lil Valeriy Kudryashov (Ukrajna) jiddomina bla telfa segwit mill-Britannici Edward Baker u Archie Wright u Shaun Aquilina.

Christian Bajada, il-Commodore tal-Malta Young Sailors Club, esprima s-soddisfazzjon tiegħu bir-riżultati tal-kampjonati ta’ din is-sena minkejja d-diffikultajiet ta’ temp.