Lokali

Il-Gvern jonqos milli jonora ftehim mal-Kamra tal-Periti dwar allokazzjoni ta’ fondi

Waqt il-Laqgħa Ġeneral Annwali riċenti, il-President tal-Kamra tal-Periti spjega is-suċċessi u l-isfidi li kellha l-Kamra matul 2023.

Fost is-suċċessi, Andre Pizzuto semma tlieta b’mod partikolari:

  1. Id-daħla fis-seħħ tal-Att dwar il-Periti, u l-pubblikazzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tal-professjoni ta’ żewġ listi separati ta’ arkitetti liċenzjati u inġiniera ċivili liċenzjati.
  2. Id-daħla fis-seħħ tar-regolamenti l-ġodda tal-liċenzjar tal-kuntratturi.
  3. Il-profil għoli li laħqet il-Kamra fuq livell internazzjonali b’rappreżentanza diretta fuq l-Architects’ Council of Europe, il-European Council of Civil Engineers, u Engineers Europe.

Pizzuto esprima s-sodisfazzjoni tiegħu dwar l-effiċjenza li biha l-Kunsill ipproċessa l-każijiet ta’ kondotta professjonali matul l-2023. Huwa rrimarka kif kien titjib sostanzjali fi kważi l-fażijiet tal-proċess kollha, minkejja l-fatt illi l-ipproċessar ta’ dawn il- proċeduri għadhom isiru b’mod volontarju mingħajr ebda allokazzjoni ta’ fondi mill-Gvern.

Apparti minn hekk, Pizzuto esprima d-diżappunt kbir tiegħu illi minkejja assigurazzjonijiet li ngħataw
lill-Kunsill f’Lulju ta’ din is-sena, ftit wara t-twaqqif tal-inkjesta pubblika dwar it-traġedja ta’ Jean Paul Sofia, li kien ser jiġi allokat baġit ta’ €150,000 f’Ottubru li għadda sabiex ikopri parti mill-ispejjeż statutorji tal-Kamra, dawn il-wegħdiet baqgħu ma twettqux.

Dan id-diżappunt żdied meta ġie nnotat illi filwaqt illi l-Gvern dehrlu li l-Kamra tal-Periti ma kelliex tingħata fondi, il-Bord tal-Liċenzji tal-Estate Agents ingħata €150,000, u Proprjetà Malta ingħatat €300,000 oħra.

In-nuqqas ta’ allokazzjoni ta’ fondi mill-Gvern għall-Kamra – partikolarment fi żmien meta l-industrija tal-kostruzzjoni għaddejja minn kriżi u teħtieġ b’mod qawwi investiment f’taħriġ, twaqqif ta’ standards, u infurzar effettiv (li jinkludi l-proċeduri tal-kondotta mmexxija mill-Kamra) – huwa kkunsidrat mill-Kunsill bħala politikament negliġenti u juri nuqqas ta’ viżjoni fit-tul fejn tirrigwardja l-professjoni.

Il-Kamra tittama li l-Gvern jerġa jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu u jalloka l-fondi kollha neċessarji sabiex tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha skont il-liġi fl-interess pubbliku.