It-tmiem tal-gwerra fil-Medda ta’ Gaza qed tidher ‘il bogħod wara li l-grupp terroristiku tal-Ħamas ċaħad, ċar u tond, li jinħelsu aktar ostaġġi Iżraeljani sakemm Iżrael jaqbel biex itemm il-konflitt (ta’ Gaza) li ilu għaddej mis-7 ta’ Ottubru.
L-ostaġġi kienu nħatfu dakinar, is-7 ta’ Ottubru, meta l-grupp Ħamas wettaq ir-rejds storiċi f’Iżrael li fihom inqatlu l-mijiet ta’ ċivili . Dawn ir-rejds, intant, wasslu għall-offensiva kbira – u attwali — tal-Armata Iżraeljana fuq il-moħbiet tal-Ħamas f’Gaza.
Il-kelliema għall-Ħamas qalu li l-gruppi tal-Palestinjani ma aċċettawx il-prospett tal-ħelsien tal-ostaġġi dment li Iżrael jibqa’ jippersisti bil-politika ta’aggressjoni.
L-istqarrija bl-Għarbi li ntbagħtet fuq Telegram qalet li ‘ittieħdet deċiżjoni nazzjonali bejn il-Palestinjani li mgħandu jsir l-ebda diskors dwar skambji ġodda ta’ ostaġġi ma’ priġunieri Palestinjani sakemm ikomplu l-attakki tal-Iżraeljani fuq Gaza’.
Mhux ċar jekk l-imsemmija gruppi tal-Palestinjani jinkludux il-grupp tal-militanti bl-isem Ġiħad Iżlamiku li wkoll għandu l-bażijiet f’Gaza. Mifhum li numru ta’ ostaġġi Iżraeljani, fil-fatt, qed jinżammu mill-ġellieda ta’ dan il-moviment ta’ militanti.
Bħalissa wkoll, fl-Eġittu, għaddejjin in-negozjati dwar ftehim ieħor għall-waqfien mill-ġlied f’Gaza – u wara li t-taħditiet inizjali ta’nhar l-Erbgħa ma ħallewx ir-riżultati mixtieqa. Dan ukoll meta l-grupp Ħamas qed jgħid li mhux se jaqbel dwar pawża temporanja oħra fil-gwerra mal-Iżraeljani.
F’din is-sitwazzjoni, ftit qed jidhru prospetti li Iżrael u l-Ħamas jistgħu jirrispettaw waqfien mill-ġlied simili għall-ftehim ta’ sitt jiem, lejn l-aħħar ta’ Novembru, fejn kienu nħelsu 105 ostaġġi Iżraeljani bi skambju ma’ ammont kbir ta’ Palestinjani li kienu miżuma fil-ħabsijiet ta’ Iżrael.
Fil-preżent, mifhum li fadal mal-120 ostaġġi Iżraeljani fid-diversi bnadi ta’ Gaza. Dan meta l-militar Iżraeljan qed idur minn zona għall-oħra fl-impenn biex jeħlishom minn idejn il-Ħamas u l-gruppi oħrajn ta’ militanti Palestinjani.
Intant, Iżrael ma jridx jisma dwar waqfien mill-ġlied permanenti mal-Ħamas. Fil-fatt il-Ministru Iżraeljan responsabbli mis-Sigurtà Nazzjonali, Itamar Ben Gvir, insista li direttiva għall-irtirar tas-suldati Iżraeljani minn Gaza qabel rebħa ċara fuq il-Ħamas għandha titqies bħala ammissjoni ta’ falliment. Hu kompla li l-ammisjoni ta’ falliment hi valida anki f’sitwazzjoni fejn ma jinħelsux l-aħħar ostaġġi Iżraeljani mill-‘infern ta’ Gaza’.
//= $special ?>