Il-Gvern Taljan se jieħu passi immedjati fil-konfront tal-iskejjel li ma jtellgħux id-drammi tal-Milied bażati fuq it-Twelid ta’ Ġesu. Dan meta aktar skejjel qed iwarrbu l-attivitajiet relatati man-Natività kif ċelebrata mill-Kristjani bil-ħsieb li ‘jirrispettaw id-diversità reliġjuża’.
Il-Gvern, issa, għadda abbozz li jaħseb biex jipproteġi lill-‘għeruq kulturali’ tal-Italja bil-promozzjoni taċ-ċelebrazzjonijiet tradizzjonali tal-Milied. L-abbozz jippermetti wkoll biex jeħlu l-multi l-prinċipali tal-iskejjel li jiddeċiedu biex ma jtellgħux drammi tan-Natività għall-istudenti.
L-aġir tal-prinċipali ilu suġġett għall-kritika – bil-kelliema għall-Partit Fratelli d’Italia (li introduċa l-abbozz), jirreferu għas-sitwazzjoni ‘embarazzanti’ tal-aħħar snin fejn l-awtoritajiet ta’ xi skejjel ma tawx il-permess għad-drammi bażati fuq in-Natività.
Numru ta’ skejjel, fl-Italja u bnadi oħra, fl-aħħar snin, anki modifikaw il-vera tifsira tal-Milied bi spettakli sinonimi max-xitwa u ‘il bogħod mit-tradizzjoni Kristjana. Dan waqt li l-awtoritajiet tal-iskejjel kienu ‘ossessjonati’ biex ma joffendux is-sentimenti ta’ studenti ta’ twemmin differenti.
U taħt il-leġislazzjoni proposta, l-iskejjel fl-Italja, ‘il quddiem, ma jistgħux iwaqqfu aktar l-inizjattivi tal-ġenituri, l-istudenti jew entitajiet skolastiċi kompetenti li jibbażaw fuq iċ-ċelebrazzjonijiet tradizzjonali tal-Milied u li jinkludu drammi u manifestazzjonijiet oħra relatati mat-twelid ta’ Ġesu.
L-abbozz jaħseb ukoll biex jevita diskriminazzjoni kontra l-istudenti u l-familji tagħhom li jipprattikkaw ir-reliġjon Kristjan u biex, fl-istess ħin, ma jsir l-ebda attakk fuq il-valuri u tradizzjonijiet profondi tat-Taljani.
//= $special ?>