Għaddew ix-xhur minn meta diversi Maġistrati u Imħallfin appellaw għal aktar ħaddiema fil-Qorti ta’ pajjiżna. Iżda jidher li l-Ministru Jonathan Attard m’għandux pjan li jżid il-ħaddiema matul is-sena li ġejja. Anzi, qed jimplika li hemm impjegati biżejjed.
Matul il-jum tal-Ħamis Net News saqsa lill-Ministru Jonathan Attard jekk matul is-sena li ġejja hux se jżid il-ħaddiema fil-Qorti sabiex il-Maġistrati u l-Imħallfin ikunu jistgħu jaħdmu b’mod effiċjenti. Iżda Jonathan Attard qalilna biss li diġà sar investiment bla preċedent filwaqt li prova jiġġustifika ruħu billi qal li preżentament hemm 500 impjegat.
Il-Ministru Attard ilu xhur sħaħ jitkellem dwar investiment; iżda jidher li m’għandu l-ebda ħsieb li jinvesti f’riżorsi umani matul is-sena 2024. Dan minkejja li matul din is-sena l-Qorti affaċjat sfidi serji u dewmien f’ħafna kawżi.
Apparti minn hekk, bħalissa fil-Qorti hemm eluf ta’ każijiet pendenti fejn fost l-oħrajn hemm ‘il fuq minn 2,000 każ pendenti ta’ vjolenza domestika.
Iżda meta Jonathan Attard kien affaċjat bid-domandi tagħna, huwa assigura lin-nies li kollox miexi ħarir. Dan meta fir-realtà hemm ammont enormi ta’ każi pendenti – u numru kbir ta’ nies se jkollhom jistennew ix-xhur sabiex jinstema’ il-każ tagħhom.
F’Ottubru li għadda waqt l-ewwel seduta tagħha bħala Imħallef fil-preżenza ta’ Jonathan Attard innifsu – l-Imħallef Natasha Galea Sciberras tat ċamata serja lill-Gvern. U appellat għal aktar riżorsi fil-Qorti, għaliex preżentament mhumiex ilaħħqu.
Ma naqasx ukoll l-appell tal-Prim Imħallef Mark Chetcuti illi stqarr li l-Qorti bilkemm qed tlaħħaq mad-domanda. Iżda jidher li l-Ministru Jonathan Attard m’għandux soluzzjonijiet prattiċi għan-nuqqas ta’ riżorsi u qed jagħżel illi jgħid li fil-Qorti donnu kollox miexi ħarir.
//= $special ?>