Kif inhi tradizzjoni ta’ kull sena fi zmien il-Milied, il-Partit Nazzjonalista fetaħ mill-ġdid il-bibien tiegħu għall-familji, l-anzjani, il-ħaddiema, iż-żgħażagħ, l-istudenti u t-tfal sabiex isir l-iskambju tal-awguri għall-festi. Bil-Kap tal-PN Bernard Grech jilqa’ fid-Dar Centrali lil mijjiet ta’ familji li waslu sabiex jawgurawlu għall-Milied u s-sena l-ġdida.
Akkumpanjat minn martu, AnneMarie Grech…il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu l-opportunità jqatta’ ħin twil jitkellem man-nies u jisma’ minn għandhom x’inhuma l-aktar kwistjonijiet li bħalissa qed jinkwetawhom – fosthom l-għoli tal-ħajja u ż-żieda fil-prezzijiet.
Bernard Grech fakkar kif il-PN ilu xhur sħaħ li ħareġ bi proposti sabiex tittaffa l-pjaga tal-għoli tal-ħajja; fosthom il-proposta li l-COLA ma tkunx intaxxata u li jkun hemm għajnuna lill importaturi sabiex iż-żieda fil-prezzijiet minn barra ma tiġix trasferita fuq il-konsumaturi.
Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab determinat li jibqa’ jaħdem sabiex il-familji jgawdu tassew mill-ġid li qed joħloq il-pajjiż, u sabiex jinħolqu oqsma ġodda ta’ xogħol li jħallsu pagi aħjar. Dan sabiex finalment il-poplu jkollu ħajja aħjar f’pajjiżna fejn il-familji jkunu jistgħu jlaħħqu sal-aħħar tax-xahar.
Dan apparti li diversi persuni rringrazzjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-ħidma bla waqfien li għamel din is-sena fejn fost l-oħrajn il-Partit Nazzjonalista kompla bl-appelli kontinwi sabiex il-Gvern ta’ Robert Abela jġib lura l-€400 miljun li nsteraq il-poplu Malti u Għawdxi fid-deal frawdolenti ma’ Vitals u Steward.
Intant, persuni oħra rringrazzjawh ukoll talli kien il-vuċi tal-poplu meta Robert Abela kaxkar saqajh sabiex jiftaħ Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.
Minn naħa tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem u jkun il-vuċi tal-poplu dan sabiex tirrenja l-governanza tajba f’pajjiżna.
//= $special ?>