Lokali Qorti

Imħallef jikkonferma sentenza ta’ ħabs mogħtija lill-eks ‘carer’ li ta daqqa ta’ ponn f’wiċċ anzjan ta’ 78 sena

Sentenza ta’ ħames snin ħabs, mogħtija lil eks carer f’dar tal-anzjani fl-2020 talli ta daqqa ta’ ponn u ferita serjament anzjan li kien taħt il-kura tiegħu, ġiet ikkonfermata b’mod enfatiku u fl-intier tagħha minn qorti tal-appell.

Charlton Spiteri, li llum għandu 30 sena, kien instab ħati li f’Awwissu tal-2018 li weġġa’ serjament anzjan ta’ 78 sena residenti f’San Vinċenz De Paul, kif ukoll li attakka lir-resident u kkaġunalu tbatija fiżika u mentali.

Sussegwentement l-anzjan kien miet b’pnewmonja severa, xahrejn u nofs biss wara l-aggressjoni. F’Ġunju tal-2020 il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkundannat lil Spiteri għal ħames snin ħabs, u ddeskriviet ir-reati tiegħu bħala “xokkanti, inumani, krudili u tali li jitfgħu d-dinjità umana,” wara li osservat li l-ispjegazzjoni tiegħu – kien qal lill-pulizija li l-ġrieħi tal-pazjent. setgħet ġiet ikkawżata aċċidentalment meta Spiteri waqqaf lill-anzjan milli jiżżerżaq minn fuq is-sodda tiegħu, u qal li dan seta’ ħabat ukoll mar-railing tal-ġenb tas-sodda – argument xejn kredibbli, fid-dawl tax-xhieda ta’ diversi xhieda.

“Ftit huma l-kliem li jistgħu jesprimu biżżejjed l-għajb u l-istmerrija li tqanqal il-vjolenza fuq raġel ta’ 78 sena mill-persuna fdata bil-kura tiegħu,” ingħad mill-Qorti. Spiteri kien ressaq appell, u argumenta fost oħrajn li s-sejba dwar l-inċident ta’ espert mediko-legali tal-qorti ħalliet lok għal dubju dwar jekk il-ġrieħi tal-vittma kinux ikkawżati minn ponn jew mir-railing tas-sodda.

Iżda f’sentenza li ngħatat mill-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ikkonfermat is-sentenza tal-Maġistrat Frendo Dimech fl-intier tagħha. L-Imħallef irrimarka li l-espert in kwistjoni kien iddeskriva wkoll il-ġrieħi tar-raġel bħala suspettużi, u li xhieda kkonfermaw li r-railing tas-sodda kien ippożizzjonat il-fuq, li jfisser li ma kien hemm l-ebda riskju li l-pazjent jiżżerżaq minn fuq is-sodda.

Il-Qorti għamlet referenza wkoll għar-rakkont mogħti lill-pulizija mill-vittma stess, li minkejja li ma setax jitkellem kawża ta’ puplesija, kien infaqa’ jibki kull meta sema’ isem l-appellant. Għalhekk, wara li ħadet in kunsiderazzjoni l-istampa sħiħa tal-provi, il-qorti qalet li temmen li Spiteri, fil-verità, għolla idu lejn l-anzjan.

Konsegwentement, fil-fehma tal-Qorti, “kellu l-intenzjoni kriminali meħtieġa biex iwettaq din l-azzjoni.” Waqt li kkwota l-kundanna inekwivoka u passjonata tal-maġistrat Frendo Dimenc tal-azzjonijiet ta’ Spiteri verbatim, l-imħallef qal li qed japprovahom ukoll u jagħmilhom tiegħu.