Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Il-Maltempata ‘Pia’ qed tħarbat l-ivvaġġar u l-pjanijiet għall-Milied għall-mijiet tal-eluf tal-Britanniċi

Ir-Renju Unit qed iġarrab l-effetti ta’ waħda mill-akbar maltempati għal ħafna snin u li fost oħrajn qed tikkaġuna l-problemi kbar għan-nies li jridu jivvjaġġaw lejn diversi bnadi tal-pajjiż, bit-tama li jqattgħu l-Milied mal-għeżież tagħhom.

Fil-fatt, kulmin qed jittama li jivvjaġġa bil-karozza matul dawn il-jiem qed ikun avżat li tmiem il-ġimgħa għandu jkun l-aktar perjodu ‘attiv u kaotiku’ waqt dawn il-jiem tal-festi. Dan ukoll meta fir-Renju Unit mistenni li jsiru talanqas 21 miljun vjaġġ bil-karozzi qabel Jum il-Milied.

Qed jispikkaw anki l-messaġġi ta’ allert għas-siġar maqlugħin mill-għeruq u straġi ieħor qalb it-toroq – u meta hemm ukoll l-għargħar f’xi sezzjonijiet tat-toroq ewlenin.

Il-maltempata, imlaqqma ‘Pia’ qed tiġġenera rwiefen ta’ qawwa straordinarja, tant li nqalbu numru ta’ vetturi, inklużi trakkijiet, fiz-zoni viċin il-kosta u f’inħawi oħra tal-Ingilterra. Il-qilla tal-irwiefen kienet ikkalkulata mal-130 kilometru fis-siegħa u l-ħsarat sussegwenti madwar il-pajjiż mistennija jkunu kbar, anki jekk il-maltemp mistenni li jitlef mill-qawwa f’xi ħin bejn nhar is-Sibt u l-Ħadd.

L-Uffiċċju Meteoroloġiku fir-Renju Unit ħareġ allert partikulari – fuq bażi ta’ yellow warning – għan-nies li qed jivvjaġġaw fl-Ingilterra, l-Iskozja, l-Irlanda ta’ Fuq u l-ibnadi lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Wales.

Fl-istess ħin, l-operatur tal-ferroviji TransPennine Express ħareġ twissija uffiċjali lin-nies biex ma jużawx is-servizzi tiegħu lejn u minn Edinburgh, il-kapitali tal-Iskozja, għaż-żmien kollu li s-sitwazzjoni tal-ivvjaġġar tibqa daqshekk gravi.

Is-servizzi tal-ferrovija fi bnadi oħra tal-Iskozja kellhom ikunu suġġetti għall-ispezzjonijiet għal-livelli tas-sigurtà waqt li l-iskejjel kollha baqgħu magħluqin fl-arċipelago ta’ Shetland (magħruf ukoll bħala l-Gżejjer ta’ Shetland).

Intant, il-maltemp qed jaffettwa anki t-trasport pubbliku lejn diversi bnadi tal-Ingilterra, bl-iskeda tal-ferroviji tispiċċa f’kaos – fost l-impatt dirett għall-ivvjaġġar lejn Londra minn diversi stazzjonijiet.

L-aħħar tbassir mill-Met Office tal-Ingilterra refera għall-irwiefen mill-Majjistral li mistennija jħallu l-akbar impatt qalb iz-zoni viċin in-North Sea u fost it-twissijiet  ta’ għargħar qalb l-inħawi tal-kosta.