Għal darb’oħra konferma mill-Awditur Ġenerali għall-isparpaljar, tberbieq u ħela ta’ flus tal-poplu li l-Awtorità tad-Djar għadha twettaq, kif ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista għal dawn l-aħħar xhur, bla mistħija ta’ xejn. Hu aġir ta’ min jistmerru u ta’ dan għandu jwieġeb il-Ministru Roderick Galdes, li bil-barka tiegħu qed isir dan l-abbuż, li l-Awtorità tad-Djar nefqet €35,000 f’rigali, f’festini, f’xorb u ikel. Il-ħbieb tal-Ministru fl-Awtorità tad-Djar inqabdu jitfewqu f’wiċċ il-poplu, li bi flusu suppost intużaw biex jgħinu lill-batut. L-Awditur Ġenerali issa sab għal darb’oħra kif il-Gvern ta’ Robert Abela, bil-kliem jgħid li għandu qalb soċjali, mentri bil-fatti hu Champagne Socialist.
Fi stqarrija ippublikata l-Ħamis, Ivan Bartolo, Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-Ġlieda kontra l-Faqar u Darren Carabott, Kelliem għall-Gvern Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika qalu li din hi l-aħħar minn sensiela ta’ konfermi ta’ kif il-Gvern ta’ Rodrick Galdes u Robert Abela ma jimpurtahx minn dawk li ilhom is-snin jistennew li jingħataw akkomodazzjoni soċjali. Mhux ta’ b’xejn li l-Gvern ta’ Robert Abela rrifjuta li jwieġeb fl-aħħar sena u nofs 750 Mistoqsija Parlamentari, li ħafna minnhom huma domandi dwar dan l-infieq esaġerat, li qed iħossuhom skomdi jwieġbu, anzi jinħbew wara t-tweġiba u l-iskuża li t-tagħrif għadu qed jinġabar. Il-Gvern anke fil-qasam tal-Akkomodazzjoni Soċjali jurik id-debba imma jqabbiżlek il-ħmara.
Dan l-aġir tat-tmejjil tal-Gvern jorbot mal-aġir ta’ qabel l-elezzjoni, meta l-Partit Laburista għadda biż-żmien lil diversi persuni bil-wegħda tal-unit tal-housing biex sena u nofs wara għadu jgħaddihom biż-żmien. Mhux ta’ b’xejn il-Ministru qed jirrifjuta li jwieġeb domandi marbutin ma’ dan is-suġġett.
Mhux ta’ b’ xejn li l-Gvern Laburista jiftaħar bis-suppost ruħ soċjali, ibati biex jisma’ krib minn fomm l-imġarrab. U jbatu l-aktar għax dan il-krib ma jħallihomx komdi, iweġġagħhom u jdejjaqhom. Għax din l-istampa tal-lum tpoġġi quddiemna lkoll għażla. Għażla bejn dawk li għalihom il-flus mhux problema u erħihom jixxalaw mill-fondi pubbliċi, filwaqt li hemm l-oħrajn li għax jgħixu bil-loqom, imorru jħabbtu l-bibien tal-Awtorità tad-Djar.
//= $special ?>

