Lokali

L-Awditur Ġenerali jċanfar lill-Awtorità tad-Djar

Matul is-sena li għaddiet, l-Awtorità tad-Djar nefqet total ta’ €35,000 fuq festini, rigali u attivitajiet soċjali; fosthom fuq party tal-Milied li għalih tjjru l-eluf.

Rapport li sar mill-Awditur Ġenerali kixef kif din in-nefqa kisret ir-reglomenti tal-Awtorità dwar l-infiq pubbliku.

In-nefqa inkludiet spiża ta’ xejn anqas minn €10,000 għal party tal-Milied li sar f’Diċembru tas-sena li għaddiet – b’€2,000 minnhom intefqu fuq mużika u €200 f’dekorazzjonijiet. Għal dan il-party tal-Milied kienu preżenti180 ħaddiem

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ċanfar lill-Awtorità tad-Djar minħabba li suppost dawn il-fondi jintużaw b’mod effiċjenti, filwaqt li m’għandhomx isiru spejjeż żejda.

Minbarra l-festin tal-Milied, il-Housing Authority nefqet €25,000 fuq ikel u xorb għall-istaff, fjuri, rigali tat-tieġijiet kif ukoll hampers tal-Milied għall-membri tal-Bord tal-Awtorità. 

Fi tweġiba lill-Awditur Ġenerali, l-Awtorità qalet li  minn din is-sena, l-festin tal-Milied għall-istaff mhux se jkun parti mill-ispejjeż tagħha. Intant, l-istess Awditur Ġenerali jindika li l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni f’Diċembru tal-2021 nefqet total ta’ €2,100 f’hampers u rigali għall-istaff u l-istakeholders.

Bl-istess awtorità nefqet kważi €9,000 oħra għax-xiri tal-ilma tax-xorb minn supermarket lokali. Tant li l-Awditur wissa li għandha tiġi kkunsidrata soluzzjoni alternattiva għall-provvista tal-ilma tax-xorb.