Lokali

Raġel arrestat b’rabta mal-ħruq ta’ numru ta’ kontenituri tal-iskart

Raġel ta’ 49 sena kien arrestat mill-Pulizija ftit sigħat biss wara li allegatament ta n-nar xi bins li jinsabu fi Triq Fr. Charles Platter, f’Raħal Ġdid.

Nhar id-19 ta’ Diċembru, 2023, il-Pulizija kienet ġiet infurmata, li għall-ħabta tal-4:20am, raġel deher minn fuq filmati tas-sorveljanza jqabbad il-bins u jaħrab minn fuq il-post.

Immedjatament bdew l-investigazzjonijiet u t-tfittxijiet għall-persuna li wettqet dan il-ħruq, filwaqt li ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Noel Bartolo li ħatar inkjesta dwar il-każ.

Dawn l-investigazzjonijiet wasslu biex ġie identifikat ir-raġel, li jgħix Bormla, bil-Pulizija tarrestah ilbieraħ filgħodu f’Raħal Ġdid.

Waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, huwa mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tas-1pm quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana.