Il-Kummissjoni tal-Films tinsab f’kontroversja ġdida. Dan wara li qamet rabja kbira fost il-producers ta’ pajjiżna minħabba li l-Kummissjoni – immexxija minn Johann Grech – ippubblikat numru ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol mingħajr l-ebda konsultazzjoni; kundizzjonijiet li se jħallu impatt kbir fuq il-budget li ingħataw.
Dawn ir-regolamenti ġew mibgħuta l-Erbgħa filgħaxija permezz ta’ email mill-Kummissarju tal-Films Johann Grech li qed jistenna l-feedback tagħhom sal-aħħar tas-sena qabel ma jħabbarhom mal-kumplament tal-industrija. Dan ifisser li fl-eqqel talk-festi, il-Gvern qed jistenna li l-producers iħallu kollox, u f’għaxart ijiem jagħtu r-reazzjoni tagħhom.
Diversi producers lokali indikaw li hija xi ħaġa pożittiva li jiġu diskussi kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol, iżda fl-istess waqt kkundannaw l-aġir tal-Kummissjoni tal-Films li qed tipprova tisforza dawn ir-regolamenti mingħajr ma saret diskussjoni.
Oħrajn qalu li ilhom xhur sħaħ jippruvaw jikkomunikaw mal-Kummissjoni biex imbagħad skoprew li r-regolamenti ġodda intbgħatu lil crews minn wara daharhom.
Dan l-aġir ġie deskritt bħala nuqqas ta’ professjonalità minn naħa tal-Kummissjoni tal-Films.
F’email mibghut minn Johann Grech, hu spjega li dawn ir-regolamenti qed isiru bil-għan li l-crews lokali u internazzjonali jkunu trattati b’mod ugwali – dan apparti li jingħata taħriġ dwar għal xiex inhuma intitolati sakemm qed jaħdmu f’Malta. Għaldaqstant dawn ir-regolamenti se japplikaw għal dawk il-produzzjonijiet li jibbenefikaw mill-iskema tal-cash rebate.
U allura, l-producers urew tħassib kbir għall-fatt li l-impjegati se jħossuhom intitolati għal dawn il-kundizzjonijiet li nħolqu mingħajr l-ebda konsultazzjoni magħhom; dan għaliex se toħloq problemi finanzjarji kbar.
Din is-sena l-Kummissjoni tal-Films issemmiet ripetutament fl-aħbarijiet wara li ġie żvelat li bejn l-2019 u l-2023 il-Gvern ta’ Robert Abela ta xejn anqas minn €143 miljun mit-taxxi tal-poplu lil numru ta’ produzzjonijiet barranin. U s-settur lokali intesa kompletament.
Għalkemm il-producers lokali jonfqu l-maġġoranza tal-budget tagħhom fl-ekonomija ta’ pajjiżna dawk internazzjonali jonfqu kważi nofs il-budget barra minn xtutna; iżda xorta waħda jingħataw 40% lura permezz tal-iskema tal-cash rebate.
//= $special ?>