Wasalna fi tmiem ta’ sena oħra u Triq ix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex għadha fi stat diżastruż għall-aħħar bit-traffiku jinġema f’kull ħin tal-ġurnata.
Dan il-proġett – fi triq ta’ madwar 400 metru – issa ilu għaddej għal aktar minn sena u nofs; bir-residenti fiż-żona kif ukoll n-negozji ma jafux meta l-affarijiet se jerġgħu jmorru lura għan-normal.
Filmati miġbuda matul il-jum tal-Ħamis juru t-triq kollha ħofor – apparti li għadha b’kareġġjata waħda dejqa immens, tant li f’kull ħin tal-ġurnata ssib konġestjoni tat-traffiku.
Numru ta’ negozji ilemtaw ma’ Net News li d-dħul tagħhom naqas sew fl-aħħar xhur hekk kif in-nies m’għadhomx jersqu lejn din iż-żona kaġun tat-trab u l-ħmieġ li hemm. Dan apparti l-barriers u l-inġenji li jkunu qed jiċċaqalqu minn fuq għal isfel tat-triq.
Numru ta’ persuni esprimew ukoll il-fatt illi kellhom joħorġu aktar flus sabiex inaddfu l-ħwienet tagħhom ta’ kuljum. Dan apparti li sfortunatament kellhom inaqqsu n-numru ta’ ħaddiema minħabba in-nuqqas kbir ta’ xogħol li għandhom speċjalment meta suppost ninsabu f’perjodu impenjattiv għal diversi negozji.
Din mhux l-ewwel darba li din it-triq spiċċat fl-aħbarijiet hekk kif f’Jannar li għadda wara li parti minn dan il-proġett ġie inawgurat, din it-triq spiċċat għerqet mal-ewwel ftit xita li kienet għamlet.
Imbagħad f’Settembru li għadda din l-istess triq spiċċat sfrondat minn tliet postijiet differenti wara li ngħatat l-ewwel saff ta’ tarmak.
Minn naħa l-oħra diversi persuni spjegawlna illi għalkemm il-promenade kien bżonnjuż, issa jinsabu mxebbgħin bil-fatt li x-xogħolijiet għadhom ikaxkru s’issa; fuq triq ta’ ftit metri. Dan apparti li ma jistgħux jifmhu għalfejn proġetti ta’ toroq qed jimxu b’pass ta’ nemlu.
//= $special ?>