Lokali

Aktar minn xahar wara, u l-Kummissarju baqa’ fil-muta

Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà għadu ma sabx il-ħin mhux biss għal intervista ma’ Net News – iżda tal-inqas id-diċenza li titlob il-pożizzjoni tiegħu biex jikteb formalment jilqax l-istedina jew le.

Aktar minn xahar ilu, Net News stieden lill-ogħla uffiċjal fi ħdan il-Korp tal-Pulizija għal intervista one on one dwar l-iżviluppi b’rabta fost oħrajn mal-iskandlu tal-isptarijiet u diversi skandli oħrajn li seħħew fl-istess perjodu kemm ilu fil-kariga hu.

Dan kollu fid-dawl tal-fatt li lura fl-2020 Angelo Gafà pubblikament kien qal li kien se jkun miftuħ għall-midja lokali – bl-istess mod li l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo kien ikun disponibbli.

Dan hekk kif Rizzo kien ikollu medja ta’ laqgħa fil-ġimgħa bħala media briefing – fejn kien jagħti rendikont ta’ dak kollu li kien qed jiġri.

Gafà kien saħaq proprju li kien se jimxi bl-istess pass – madanakollu bejn kien każ ta’ paroli si, fatti no.

Bosta huma dawk li qed jistaqsu għal liema raġuni l-Kummissarju tal-Pulizija f’diversi każi ta’ importanza u sensittività speċjali għażel li jieħu pass lura. U minflok beda l-investigazzjonijiet hu b’mod separat, allegatament iddeċieda li joqgħod gallarija u jistenna l-eżitu tal-inkjesti maġisterjali.

Diversi esperti sostnew li dan huwa nuqqas mid-doveri tiegħu – iżda agħar minn hekk għażel li jaħrab mid-domandi tal-ġurnalisti; mistoqsijiet li l-poplu Malti u Għawdxi għandu dritt ikun jaf it-tweġibiet tagħhom.

Dan fid-dawl tal-arma li jirrappreżenta.

Ftit aktar minn ġimgħa bogħod mill-aħħar tas-sena…u l-poplu għadu jistenna.