Internazzjonali

Għada jum ta’ luttu fir-Repubblika Ċeka wara l-qtil ta’ 14-il persuna fi Praga

L-awtoritajiet fir-Repubblika Ċeka ħabbru li għada se jkun jum ta’ luttu wara li raġel fetaħ in-nar u qatel 14-il persuna fi Praga.

Il-kumpless fejn seħħew l-isparaturi hu Charles University, Faculty of Arts li jinsab fil-Pjazza ta’ Jan Palach. L-Università tinsab fil-kwartier antik ta’ Praga u xi 500 metru ‘il bogħod mill-Pont ta’ Charles, li kull sena jattira l-eluf kbar ta’ turist. L-agressur fetaħ in-nar fil-kurituri tal-Fakultà u kompla jispara anke fil-klassijiet fejn beda joqtol bl-addoċċ.

L-aggressur, li ġie maqtul mill-Pulizija ftit tal-ħin wara l-isparaturi li mhux biss ħallew għexieren mejta iżda wkoll 25 isofru minn xi ġrieħi, qatel ukoll lil missieru. Qed ikun maħsub ukoll li l-istess persuna għandha konnessjoni mal-mewt ta’ żewġ persuni oħra li seħħew il-ġimgħa l-oħra.

L-aggressur, li kien student fl-istess Università, kellu 24 sena. Ftit minuti qabel l-isparaturi, il-Pulizija rċiviet rapport li l-aggressur kien sejjer lejn Praga u joqtol lilu nnifsu. Quddiem dan, il-Pulizija evakwaw waħda mill-binjiet tal-Università fejn kien mistenni li jattendi għal lezzjoni, iżda sfortunatament ma kinitx l-istess binja fejn fetaħ in-nar.

L-inċident qed jissemma bħala l-agħar massakru fl-istorja tar-Repubblika Ċeka li ilha mwaqqfa bħala Stat mill-1993.