Ekonomija Enerġija Lokali Transport

“Il-Gvern m’għandux pjan biex ikabbar l-ekonomija b’valur miżjud”

L-editorjal tat-Times bi kliem iebes għall-mudell ekonomiku preżenti tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija akkost li jimporta ħaddiema barranin terżi b’ħiliet baxxi u jimmina l-infrastruttura tal-pajjiż

Lil hinn mir-retorika tal-Gvern li qiegħed jiddiversifika l-ekonomija biex tiddependi anqas fuq l-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin li m’għandhomx ċerta ħiliet, huwa fatt magħruf li dan mhuwiex minnu.

L-istrateġija primarja tal-Gvern hija li jkabbar l-ekonomija akkost ta’ kollox; akkost li jkabbar il-popolazzjoni f’pajjiżna b’ħaddiema f’setturi ekonomiċi bi qliegħ baxx u jimmina r-riżorsi u l-infrastruttura tal-pajjiż.

Hekk stqarr l-editorjal tal-ġurnal The Times of Malta tal-Ġimgħa 22 ta’ Diċembru hekk kif ittratta s-sitwazzjoni tat-tkabbir esaġerat tal-popolazzjoni u kif dan il-Gvern mhuwiex jindirizza l-għerq tal-problema.

L-Editur għamel referenza għall-kummenti li għadda mal-istess ġurnal il-Kap Eżekuttiv ta’ Identità Malta, Mark Mallia, meta kkonferma li n-narrattiva tal-Gvern li jkompli jimporta aktar ħaddiema barranin minn pajjiżi terzi baqgħet l-istess … hekk kif iġġustifika dan għall-fatt li l-provvista ta’ ħaddiema Maltin mhix tikber.

Fl-aħħar deċenju, il-Gvern witta open-door policy li fiha ppermetta lin-negozji li jġibu ħaddiema barranin diment li l-pagi għalihom kienu baxxi. B’hekk il-popolazzjoni splodiet u tefgħet pressjoni liema bħalha fuq l-infrastruttura ta’ dawn il-gżejjer, kemm fuq it-toroq u t-traffiku, is-servizzi tas-saħħa…żieda ta’ barra minn hawn f’proġetti ta’ kostruzzjoni u pressjoni liema bħalha fuq is-servizzi tal-enerġija u l-ilma, mingħajr l-investiment meħtieġ li jilqa’ għal din iż-żieda.

L-Editur saħaq li l-Gvern qiegħed juri tmexxija dgħajjfa hekk kif qed juri d-debba u jqabbeż il-ħmara – Gvern li ma jridx jeħodha kontra min iħaddem u fl-istess waqt, irid jidher li qiegħed jindirizza l-impatt ħażin taż-żieda bla rażan fil-popolazzjoni … meta filfatt mhuwiex.

It-Times tghid illi mhix se tkun faċli li tinqeleb il-folja hekk kif ħafna ħaddiema minn pajjiżi terzi qed jiġu sfruttati akkost li li jiġu mmassimizzati l-profitti. Il-bidliet kożmetiċi tal-Gvern fil-liġijiet mhumiex biżżejjed biex jiġu indirizzati dawn l-abbużi mingħajr l-infurzar meħtieġ, kompla jgħid l-Editorjal tat-Times.

Għalhekk hemm bżonn tmexxija b’saħħitha li tiddefinixxi l-ħtiġijiet li jsuqu l-ekonomija Maltija lejn kuntest ta’ opportunitajiet ġodda ta’ xogħol ta’ kwalità; lil hinn mir-realtajiet tal-biża’ li qed ngħixu llum.