Lokali

Il-Kummissarju tal-Films ikompli jagħmel li jrid – PN

“Fejn hi l-ġustizzja lejn il-ħaddiema fis-settur tal-industrija tal-films, li qed jitkellem dwarha l-Kummissarju Johann Grech?”

Hekk sostnew id-Deputati Nazzjonalisti Julie Zahra u Ivan Castillo hekk kif spjegaw li l-produtturi tal-films f’pajjiżna ġew magħrfa bi proposti fejn jidħlu regolamenti fil-post tax-xogħol b’email, mingħajr ebda konsultazzjoni. Dan juri nuqqas ta’ rispett lejn il-ħaddiema u l-unions li jirrappreżentawhom.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi għaliex il-produtturi Maltin u l-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur ma ġewx ikkonsultati u ma sar l-ebda konsultazzjoni pubblika qabel inħarġu dawn ir-regolamenti.

“Il-kelma konsultazzjoni tidher li għal darb’oħra sparixiet mill-vokabularju tal-Gvern ta’ Robert Abela u tal-Kummissarju tal-Films. Kif jista’ l-Kummissarju jitkellem dwar ġustizzja lejn il-ħaddiema ta’ dan is-settur jekk lanqas biss tkellem magħhom?”

Huma saħqu li l-Partit Nazzjonalista qed jistaqsi wkoll jekk il-Kummissjoni tal-Industrija tal-Films ikkonsultatx anke mad-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) dwar dan ir-rigward qabel ma’ ħareġ dawn ir-regolamenti, kif ukoll jekk dawn ir-regolamenti humiex konformi mal-liġijiet li għandna f’pajjiżna dwar ix-xogħol u jekk, wara kollox, jagħmlux sens fejn jidħlu.

Huma staqsew ukoll jekk dawn il-kundizzjonijiet imorrux kontra Leġislazzjoni Sussidjarja 452.87 tar-Regolamenti dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol minħabba li ma teżistix ‘work regulation order’ għall-ħaddiema f’din l-industrija. Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi x’azzjoni se jieħu d-Direttur tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali dwar dan kollu.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti li l-persuni li jaħdmu fl-industrija tal-films f’pajjiżna, propju għax xogħolhom jitlob bżonnijiet partikolari u mhux xogħol li jsegwi xejriet standard bħal ħafna impjiegi oħrajn, li tiddaħħal ‘Work Regulation Order’ għal dan is-settur li tissalvagwardja u ssaħħaħ aktar lil ħaddiema fil-‘creative businesses’ biex jaħdmu, filwaqt li tiżgura li d-drittijiet tagħhom ikunu protetti u jkunu evitati kull tip ta lakuni li jeżistu bħalissa.

“Għaliex il-Gvern ta’ Robert Abela qed ikompli jwebbes rasu u ma jagħmilx il-‘Work Regulation Order’ għal dan is-settur? Il-ħaddiema ta’ din l-industrija għandhom dritt jkunu protetti bil-Liġi b’‘work regulation order’, u mhux b’numru ta’ “pledges” li wħud minnhom diġà jeżistu fil-liġijiet Maltija u hi tal-mistħija li l-Kummissjoni tal-Films qed tpinġiha daqslikieku qed jiddaħħlu biss issa, meta oħrajn bħalissa qed imorru kontra l-liġi, uħud minn dawn il-“pledges” huma każ ċar ta’ prattiċi prekarji. Dan hu l-aħjar li l-Gvern jista’ jagħmel għall-ħaddiema li l-għajxien tagħhom jiddependi minn din l-industrija?”

Il-Partit Nazzjonalista tenna li biex ikollna verament Malta ġusta, anke fl-industrija tal-films, għandu jkun hemm konsultazzjoni serja, trasparenza, inklużjoni, xogħol garantit lill-ħaddiema, inċentivi lil min ħaqqu u sostenn lejn il-ħaddiema kollha f’dan is-settur, filwaqt li jkun żgurat li dan is-settur jikber u jibqa’ attraenti għal investituri serji.