Filwaqt li s-sħab tax-xita jidhru li għaddew minn fuq il-gżejjer Maltin, ir-riħ qawwi ma jidhirx li se jbatti għat-tlett ijiem li ġejjin.
Fil-fatt, għas-Sibt, il-Ħadd u t-Tnejn – propju fil-jum tal-Milied – qed ikun imbassar riħ qawwi b’Forza 5 għal 6 li se jkun qed jolqot il-gżejjer Maltin mill-Majjistral.
L-għola temperatura matul dawn il-jiem mistennija titla’ għal 17-il grad celcius filwaqt li filgħaxija, l-inqas temperatura mistennija tkun ta’ 12-il grad. U għalkemm mhix daqstant kesħa, ir-riħ stess żgur li se jdaħħalna fl-atmosfera tax-Xitwa – sinonima ma’ dan iż-żmien tas-sena.
It-tbassir jindika wkoll illi x-xemx ma jidhirx li se tkun qed tfeġġ qabel nhar it-Tlieta, tant li l-Uffiċċju Meterjoloġiku qed ibassar li bejn is-Sibt u t-Tnejn se jkollna temp imsaħħab.
U għal dawk il-Maltin li jinsabu f’pajjiżi oħra għal żmien il-Milied, it-Tramuntana tal-Ewropa mistennija tara Milied Abjad, bl-Alpi u l-Iskandinavja mistennija jesperjenzaw ammont sostanzjali ta’ borra.
Għal dawk li għażlu jmorru l-Istati Uniti, l-awtoritajiet Amerikani ippublikaw mappa tal-istati li għandhom probabbiltà kbira li jaraw il-borra nieżla f’dawn il-jiem. Din il-mappa turi li 19-il stat għandhom possibiltà kbira li jkollhom borra – filwaqt li 33 stat għandhom probabbiltà żgħira.
Skont l-esperti tat-temp, il-fenomenu klimatiku bl-isem El Niño se jkun qed inaqqas il-postijiet fejn se naraw Milied Abjad għal din is-sena.
Bil-maltempata imlaqqma Pia mhu qed tkun ħanina xejn mar-Renju Unit hekk kif għal ħafna, dawn il-jiem ġabu diffikultajiet kbar u skumdità – kaġun ta’ ħafna xita u rih qawwi. Fil-fatt, diversi titjiriet ma setgħux isiru, il-vjaġġi bil-ferroviji tħassru u diversi sewwieqa spiċċaw involuti f’inċidenti wara li numru ta’ siġar waqgħu bil-maltemp u r-riħ qawwi.
Minkejja dan kollu, il-Brittaniċi jistgħu jistennew li jkollhom Milied bil-borra, kif imdorrijin f’dan iż-żmien ta’ festi.
Intant, din is-sena se tibqa’ imniżżla bħala l-aktar sena sħuna tant li kisret rekord, bit-temperatura medja bejn Jannar u Novembru kienet ta’ 1.46 grad celcius aktar min-norma.
//= $special ?>