Internazzjonali

In-Nazzjonijiet Uniti: Il-Kunsill tas-Sigurtà jivvota favur l-għajnuna lin-nies ta’ Gaza

Vot favur kundizzjonijiet li jwittu t-triq għall-paċi

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, wara jiem ta’ inċertezza, ivvota favur riżoluzzjoni importanti dwar l-għajnuna umanitarja għar-residenti Palestinjani fil-Medda ta’ Gaza…Residenti li jinsabu f’xifer il-mewt minħabba l-gwerra bejn Iżrael u l-grupp Ħamas li ilha għaddejja mis-7 ta’ Ottubru.

Malta kienet fost il-pajjiżi li vvutaw għar-riżoluzzjoni, bir-riżultat tal-vot isir possibbli wara jiem ta’ negozjati bejn l-Istati-membri tal-Kunsill biex jevitaw il-veto min-naħa tal-Istati Uniti.  Intant, l-Istati Uniti u r-Russja t-tnejn astjenew mill-vot li ttieħed ftit tal-minuti ilu.

Fl-istess ħin, numru ta’ pajjiżi Għarab, fosthom il-Ġordan u l-Alġerija, huma tal-fehma li ngħataw wisq konċessjonijiet biex l-Amerikani, din id-darba, iżommu lura mill0-veto.  Fil-fatt, il-pajjiżi Għarab għandhom l-impressjoni li l-kuntest ta’ din ir-riżoluzzjoni hu simili għal messaġġ ta’ appoġġ lil Iżrael fil-gwerra tiegħu mal-Ħamas.

L-abbozz tar-riżoluzzjoni ma jinsistix għal waqfien mill-ġlied, b’Iżrael għandu jibqa’ jissorvelja u jikkontrolla t-trasport tal-ikel u tipi oħra ta’ għajnuna lin-nies ta’ Gaza.

Madankollu u grazzi għall-iżviluppi, żdiedu t-tamiet li r-riżoluzzjoni – sponsorjata mill-Emirati Għarab Magħquda – tagħmel differenza kbira għall-ħajja tal-familji f’Gaza anki jekk l-Iżraeljani għadhom determinati biex ikomplu bil-gwerra sakemm jeliminaw il-preżenza tal-Ħamas fit-territorju.

Fl-istess ħin, il-Palestinjani, l-Eġizzjani u s-Sawdi qed jidhru kuntenti bl-iżviluppi – u r-riżoluzzjoni – li mistennija jtaffu ftit mill-kalvarju għar-residenti f’Gaza.