Lokali Milied 2023

L-aktar lejl mistenni tas-sena jinsab magħna

Father Christmas, Papai Noel, Hoteiosho, Sinterklaas, Babbo Natale, Mikulas, Santa Klaws.

Ir-raġel xwejjaħ, bid-daqna bajda silġ, li miljuni ta’ tfal minn madwar id-dinja qed jistennew b’ħerqa kbira hekk kif fil-lejl bejn l-24 u l-25 ta’ Diċembru jidħol inkiss inkiss fi djarhom sabiex ipoġġi rigali ta’ kull daqs, imgeżwrin f’karti ta’ ilwien differenti.

Dan hekk kif ma jonqosx li t-tfal – b’għożża u mħabba kbira – jlestulu dik id-daqsxejn ta’ tazza ħalib, ftit gallettini, u karrottu għaċ-ċriev li jdur bihom madwar id-dinja; minn bejt għall-oħra, f’ġirja kontra l-ħin.

Iżda l-lejl tal-Milied ifisser ukoll ġabra, mimlija ikel, tbissim, żfin, kant u mużika.

Studju mwettaq fl-Università ta’ Southern fi Queensland wera li l-kant tal-kanzunetti tal-Milied, mhux biss iferraħ l-ambjent ta’ madwarek iżda jżomm ir-relazzjoni ta’ bejnietna f’saħħitha u jsaħħaħ il-burdata tal-persuni…inkluż dawk li għaddejjin minn mumenti ta’ sfida.

Ċertament ma nistgħu qatt ninsew il-vera sinnifikat ta’ dan il-jum, hekk kif fil-lejl tal-Milied il-Knisja Kattolika tiċċelebra t-twelid ta’ Ġesù Bambin – għad-differenza tal-Knisja Ortodossa li tiċċelebra dan l-avveniment bejn is 6 u 7 ta’ Jannar – fil-ġurnata magħrufa aħjar bħala l-Epifanija.

Tradizzjonijiet differenti li l-oriġini tagħhom imorru lura għal snin twal – ilwien, dwal, presepji, ikel, kant u ħelu – il-jum li kull tifel u tifla jkun ilu jistenna minn San Stiefnu.