Raġel inqabad fuq il-camera jpinġi messaġġ fi spazju pubbliku fil-Qawra bl-isprej, spiċċa f’inkwiet akbar billi ħażżeż allegazzjonijiet dwar uffiċjali tal-pulizija meta spiċċa fil-lockup u mbagħad naqas milli jmur lura meta ngħata l-police bail.
Kollox beda fil-21 ta’ Novembru wara nofsinhar meta xi ħadd irrapporta fl-għassa tal-Qawra li kien għadu kemm intlemaħ raġel ta’ “ġilda skura” jiżbgħa bl-isprej l-art fi Triq it-Trunciera. Wara dik l-informazzjoni, uffiċjali marru fl-inħawi ta’ Fra Ben u malajr identifikaw lis-suspettat li kien liebes ħwejjeġ li jaqblu ma’ dawk li jidhru fuq ir-ritratt meħud mill-persuna li kienet ressqet ir-rapport.
Ir-raġel kien Lamin Samura Seguba, ċittadin tal-Gambja ta’ 38 sena li qabel kien diġa kiser dufrejh mal-liġi u għalhekk kien wiċċ familjari mal-pulizija tad-distrett. Aktar tard l-istess filgħaxija, waqt li kien detenut fil-lockup tal-Furjana allegatament ħażżeż xi messaġġi mal-ħitan taċ-ċella tiegħu, fil-mira tiegħu – żewġ uffiċjali tal-pulizija involuti fl-investigazzjonijiet fir-konfront tiegħu.
Seguba ingħata l-police bail bil-kundizzjoni li jirrapporta lura lill-pulizija fl-4 ta’ Diċembru. Iżda r-raġel naqas milli jimxi ma’ dik il-kundizzjoni u sempliċement ma deherx. Ġie arrestat mill-ġdid nhar il-Ħamis meta mar jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija u meta skortat għal darb’oħra lejn il-lockup, baqa’ jippersisti bil-kitba mal-ħajt, u żvoga ir-rabja tiegħu kontra żewġ uffiċjali.
Wieħed minn dawk li hu ttimbra bħala persuna li ċċedi taħt pressjoni u qal li l-Pulizija huma “ħallelin armat”- u kitba oħra tgħid, “qattiel.” Il-Ġimgħa, Seguba ġie skortat il-Qorti biex jiffaċċja akkużi talli allegatament ikkawża ħsara volontarja għad-detriment tal-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar u l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.
Huwa ġie mixli wkoll li naqas mill-kundizzjonijiet tal-pleġġ tal-pulizija, li rrifjuta li jipprovdi dettalji personali lill-pulizija kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-pleġġ preċedenti. Huwa wieġeb mhux ħati. Talba għall-ħelsien mill-arrest kienet oġġezzjonata mill-prosekuzzjoni li rrimarkat ċerti żbalji fi ftehim ta’ kiri prodott mill-imputat biex jipprova li kellu residenza fissa għall-finijiet tal-pleġġ.
Madankollu, l-avukat tiegħu, Franco Debono, saħaq fuq il-fatt li l-akkużi kienu relattivament minuri u x’aktarx mhux se jirriżultaw f’terminu ta’ priġunerija. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Maġistrat Elaine Rizzo, laqgħet it-talba kontra depożitu ta’ €2,500, garanzija personali ta’ €3,000 u ffirmar ta’ kuljum fl-Għassa tal-Pulizija. L-Ispettur Warren Galea mexxa l-prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri kienu l-avukati difensuri


