Lokali Qorti

Sentenza sospiża minflok effettiva fuq erba’ pilloli ecstacy misjuba fiż-żarbun ta’ raġel li kien fil-kju għal party

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri laqgħet parti minn appell ta’ Sherlock Cachia li kien ġie kundannat tliet xhur ħabs, li issa ġew sospiżi għal sentejn fuq erba’ pilloli ecstacy. Dan seħħ minħabba proviso li daħal fil-liġi kif ukoll il-fatt li l-Qorti qieset il-fedina penali aġġornata tal-ħati.

Ir-raġel li llum għandu 44 sena kien inqabad bil-pilloli ecstasy fiż-żarbun tiegħu waqt li kien fil-kju għal party f’Marzu tal-2013 fi proċess kriminali li dam sejjer tmien snin u li bl-appell b’kollox ħa 10 snin. Cachia, twaqqaf hekk kif kien dieħel f’party fl-MFCC f’Ta’ Qali fil-lejl tal-31 ta’ Marzu.

Huwa nstab fil-pussess ta’ pilloli ecstasy u nstab ħati li dawn kienu fil-pusses tiegħu f’ċirkostanzi li juru li ma kinux għall-użu personali tiegħu. L-Ispettur Ryan Caruana qal fil-Qorti li l-Pulizija għamlu xi ħin josservaw lill-akkużat għax deher suspettuż u waqqfuh waqt li kien dieħel fil-post.

Huwa deher aġitat ħafna u qabel ma ġie mfittex, ġie mistoqsi jekk hux qed iġorr xi ħaġa, u wieġeb fin-negattiv. Fittxulu u ma sabu xejn iżda hekk kif kien se jitlaq, talbuh ineħħi ż-żraben. Ir-raġel argumenta li ma kienx hemm bżonn ta’ dan iżda meta insistew, il-Pulizija sabu borża bajda li kien fiha erba’ pilloli blu ġewwa waħda miż-żraben tiegħu.

Cachia kien qal lill-Pulizija li kien ta lift lil tliet nisa, Jocelin, Svettie u l-kuġina tagħha li kien iltaqa’ magħha fuq ta’ Facebook. Huwa qal li waqt li kien qed isuq mir-Rabat, Jocelin talbitu biex jieqaf u jistennieha sakemm tkellmet ma’ xi ħadd.

Huwa raha titkellem ma’ din il-persuna u meta reġgħet daħlet fil-karozza huwa kien staqsa jekk humiex qed iġorru xi ħaġa, u dan wieġbu fin-negattiv. Waqt li kienu qed jagħmlu kju biex jidħlu fil-post, huwa ħass li Jocelin daħħlet idejha fil-but fuq il-lemin tal-ġakketta tiegħu, u talbitu jżommha għaliha hekk kif kienet beżgħana biex teħodha magħha.

Huwa qabad il-borża u poġġieha fiż-żarbun tiegħu għax ippanikkja. Sekondi wara twaqqaf mill-Pulizija u saret tfittxija. In-nisa rrifjutaw li jixhdu fil-Qorti minħabba l-biża ‘li jinkriminaw lilhom infushom. Il-Qorti tal-Appell ħadet inkunsiderazzjoni li dwar il-piena mogħtija mill-Ewwel Qorti fejn hu aġixxa fi stat ta’ biża’.

Ittieħdet ukoll konsiderazzjoni tal-kondotta tiegħu. Wara li tqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ inkluż l-ammont u x-xorta tal-mediċina inkwistjoni, ix-xorta ta’ persuna involuta, l-għadd u n-natura ta’ kull kundanna li l-persuna kellha qabel.

Dan inkluż kundanni li dwarhom tkun saret ordni taħt l-Att dwar il-Probation, il-Qorti tkun tal-fehma li l-ħati kien biħsiebu jikkonsma l-mediċina f’dak l-istess post flimkien ma’ oħrajn, jew akkwista kwantità żgħira ta’ mediċini biex jiġu kkunsmati f’dak l-istess post għal u fuq talba ta’ persuni fil-kumpanija tiegħu f’avveniment wieħed mingħajr profitt, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet ta’ dan is-subartikolu tal-liġi.

Iżda wkoll il-ħati jista’ jikseb benefiċċju għal darba waħda biss mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-proviso. Kien meħud ukoll inkonsiderazzjoni dak li ġie dikjarat mill-Prosekuzzjoni quddiem l-Ewwel Qorti dwar Cachia – u għalhekk l-imputat kellu jibbenefika minn tnaqqis.

Apparti minn dan, il-Qorti tal-Appell qalet li tinnota li din kienet l-ewwel darba li Cachia kellu x’jaqsam ma’ dan it-tip ta’ reat u li l-ammont kien ta’ erba’  pilloli ecstasy. Ma’ dawn il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni wkoll il-fedina penali aġġornata tal-appellant u li ġie eżebita.

Tenut kont ta’ dan kollu, din il-Qorti qalet li hija tal-fehma li għandha tapplika l-proviso l-ġdid tal-liġi li ddaħħal wara li ngħatat is-sentenza appellata. Għaldaqstant il-Qorti tal-Appell varjat l-piena mogħtija. Għal dawn il-motivi, il-Qorti laqgħet parti mill-appell imressaq minn Sherlock Cachia u irriformat s-sentenza appellata billi ssospendiet is-sentenza ta’ ħabs effettiva.

Il-Qorti tal-Appell qieset ukoll dak li qalet l-Ewwel Qorti li l-akkużat kien jaf li l-borża kien fiha sustanza illeċita, speċjalment peress li l-mara qaltlu li beżgħet li teħodhom fiha stess. Il-Qorti qalet li r-raġel seta’ rrifjuta iżda hu ma rrifjutax.  Għal Cachia deher l-Avukat George Anton Buttigieg.